Repubblika b’Kawża Kontra L-Gvern Biex Iġġib F’Malta 50 Immigrant Mil-Libja

 Repubblika b’Kawża Kontra L-Gvern Biex Iġġib F’Malta 50 Immigrant Mil-Libja

L-Għaqda Repubblika, permezz tal-Avukat Paul Borg Olivier fetħet kawża kostituzzjonali kontra l-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri u l-Brigadier tal-Forzi Armati ta’ Malta Jeffrey Curmi biex jinġiebu f’Malta 50 immigrant illegali li f’April li għadda ma tħallewx jidħlu f’pajjiżna minħabba l-imxija tal-Covid-19.

Fi stqarrija Repubblika qalet li qed tappoġġja l-kawża li fetħu l-qraba ta’ żewġ immigranti fejn ġie allegat li tħallew imutu bil-għatx jew jegħrqu f’operazzjoni ta’ salvataġġ ikkordinata minn Malta u fil-kawża ta’ 50 persuna li kienu fuq l-istess dgħajsa u skont Repubblika, b’ordni tal-gvern tgħabbew fuq dgħajsa mqabbda mill-Gvern u ttieħdu f’kampijiet tal-konċentrament fil-Libja.

Repubblika allegat li l-inċident seħħ ftit wara l-Għid meta għal ġranet sħaħ il-gvern ordna li dgħajjes b’immigranti abbord jitħallew mingħajr għajnuna minkejja li d-dgħajjes tagħhom ma kinux qed jiċċaqalqu u kienu qed jitolbu li jiġu salvati.

Allegat li l-Gvern Malti żamm lura l-patrol boats ekwipaġġati tal-Armata ta’ Malta u wara ħafna dewmien bagħat dgħajsa tas-sajd Dar Al Salam 1 biex tiġborhom. Qalet li din kienet dgħajsa li telqet mill-Port il-Kbir u li waslet ħdejn l-immigranti fl-14 ta’ April kmieni filgħodu.

Repubblika li qed tħallas għall-kawża kontra l-Gvern qalet li talbet lill-qorti tiddikjara li Malta kisret id-dritt tal-ħajja tal-immigranti kif imħares mill-kostituzzjoni u mill-konvenzjoni Ewropea tad-drittijiet tal-bniedem.

Repubblika żiedet tallega li l-50 immigrant l-oħra li baqgħu ħajjin, tqiegħdu fuq id-dgħajsa tas-sajd u tħallew mingħajr ilma u ikel sakemm waslu Tripli. Qalet li kien hemm minn sħabhom li mietu fuq il-vjaġġ lura lejn Tripli fejn ma ngħatat ebda kura medika.

Allegat li d-dgħajsa Dar Al Salam 1 kienet aġent tal-istat Malti li ma kkunsidrax il-fatt li l-immigranti kellhom ċertifikati tan-Nazzjonijiet Uniti li kienu qed ifittxu ażil.

Repubblika qalet li hu obbligu ta’ Malta li skont il-liġijiet Ewropej irid jagħti opportunità lil kull min jasal Malta li jkollu l-applikazzjoni tiegħu għall-ażil ikkunsidrata.

L-immigranti talbu lill-qorti Maltija tiddikjara li Malta kisret l-obbligi tagħha taħt il-liġi Ewropea li tikkunsidra applikazzjonijiet t’ażil.

Borg Olivier qal li l-kawża tal-lum titlob lill-qorti tordna li Malta tħalli lil dawn il-ħamsin immigrant jiġu Malta biex japplikaw għall-ażil.

Repubblika temmet tgħid li qed tħallas l-ispejjeż kollha tal-qorti f’din il-kawża u talbet lin-nies jibagħtu d-donazzjonijiet tagħhom għal din il-kawża.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com