Ryan Mercieca Jitfa’ Ismu Għas-Siġġu Fuq It-13-Il Distrett
Il-kandidat Għawdxi Ryan Mercieca ħabbar li ssottometta l-kandidatura tiegħu għall-elezzjoni każwali li se ssir fuq it-13-il Distrett biex jimtela’ s-siġġu tal-ex deputat Nazzjonalista Fredrick Azzopardi li miet il-ġimgħa l-oħra. Mercieca jinsab fuq quddiem li jirbaħ dan is-siġġu fuq id-distrett ta’ Għawdex.
Fi stqarrija Mercieca qal li xeħet ismu b’rispett lejn il-votanti tiegħu u b’imħabba lejn Għawdxin.
Fit-tmiem il-ġimgħa li għadda, il-Partit Nazzjonalista qal li kien qed jiddisassoċja ruħu minn Mercieca u ħabbar li kien se jibda proċeduri biex ma jibqax kandidat Nazzjonalista.
Mercieca qal li ebda attakk ma jnaqqas mit-twemmin tiegħu li l-ġudizzju tal-poplu hu sovrann u jirrispetta dejjem il-proċess demokratiku. Qal li għall-kuntrarju ta’ dak li qal il-PN, m’hemm l-ebda fatt li jtappan ir-reputazzjoni tiegħu, iżda ripetizzjoni tal-istess allegazzjonijiet li qal li rribatta kemm-il darba.
Qal li l-istandards ta’ etika għoljin huma meħtiega minn kulħadd.
Temm jgħid li n-nomina tiegħu hi f’isem dawk kollha li sfaw vittmi ta’ inġustizzja u li l-politika għandha ssir billi niddiskutu ideat ta’ kif nelevaw is-soċjetà u mhux noħolqu konġuri biex neskludu n-nies.
Intant fi stqarrija, il-Kummissjoni Elettorali ħabbret li kienu ħamsa n-nomini li rċeviet għall-elezzjoni każwali li se ssir il-Ħamis li ġej fis-sala tal-għadd tal-voti. Minbarra nomina ta’ Mercieca, issottomettew ukoll isimhom Joseph Ellis, Ċensu Galea, Maria Portelli u Jason Zammit.
L-Għadd tal-Voti se jibda fit-8.30 ta’ filgħodu.