Skema Ġdida Ta’ ‘Double Glazing’ F’Birżebbuġa Kollha

 Skema Ġdida Ta’ ‘Double Glazing’ F’Birżebbuġa Kollha

Dalgħodu  l-Ministeru għat-Turiżmu nieda wegħda oħra tal-budget 2021 li biha nofs miljun ewro se jkunu allokati fi skema ġdida għal double glazing f’Birżebbuġa.

Residenti f’Birżebbuġa se jibbenefikaw minn skema li permezz tagħha se jkunu jistgħu jibdlu aperturi esterni tar-residenzi tagħhom li huma antikwati jew ineffiċjenti biex b’hekk itaffu mill-inkonvenjent tal-ħsejjes kawżat mix-xogħol li jkun għaddej fil-Port Ħieles. L-iskema se ssir b’investiment totali ta’ nofs miljun ewro li se tkun ffinanzjata mill-Malta Freeport Corporation filwaqt li titħaddem mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS). Permezz ta’ din l-iskema, li minnha mistennija jibbenefikaw mill-inqas 250 familja, il-Gvern se jkun qed jagħti lura lil dawn il-familji 90% tal-investiment.

L-iskema tnediet waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli u mill-Ministru għall-Enerġija u Immaniġġjar tal-Ilma Michael Farrugia.

Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li l-Port Ħieles huwa ta’ importanza kbira għall-ekonomija tal-pajjiż “imma huwa rikonoxxut li n-natura tax-xogħol li jsir fih joħloq element ta’ inkonvenjent, partikolarment fejn jidħlu ħsejjes u emissjonijiet mill-vapuri. Il-Gvern għaddej b’ħidma kontinwa biex dawn l-inkonvenjenzi jitnaqqsu kemm jista’ jkun…”

Tenniet li din il-miżura mhix l-unika waħda li qed tittieħed biex jittaffew l-inkonvenjenzi. Il-Korporazzjoni tal-Freeport investiet f’apparat li jikkawża inqas ħsejjes filwaqt li  ġie installat apparat aktar modern u moniteraġġ kontinwu tal-ħsejjes bl-investiment ta’ dawk li jissejħu white noise alarms. Sadattant inbeda l-proċess biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-vapuri waqt li jkunu trakkati mal-mollijiet tal-Port Ħieles. “Fl-ewwel xhur ta’ din is-sena malli ngħatajt ir-responsabbiltajiet ministerjali tiegħi, fosthom il-Port Ħieles, tajt direzzjoni lill-Korporazzjoni tal-Freeport biex isiru studji dwar il-vijabilità tax-‘shore-to-ship power supply’ li permezz tagħha l-vapuri trakkati mal-mollijiet ma jkollhomx għalfejn iħallu l-magni mixgħulin waqt li jkunu għaddejjin bix-xogħol ta’ ħatt jew tagħbija ta’ containers. Vapuri li jkunu mgħammrin bil-faċilità neċessarja jkunu jistgħu jitfu l-magni tagħhom u jitħaddmu bil-kurrent tad-dawl mill-art.

Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Enerġija u Immaniġġjar tal-Ilma Michael Farrugia fakkar li l-Gvern, tul dawn l-aħħar snin, għamel passi kbar biex jassigura li l-familji Maltin jgħixu komdi fi djarhom permezz ta’ inizjattivi li qed jaħdem fuqhom fil-qasam tal-enerġija. Semma fost oħrajn l-iskemi tal-pannelli fotovoltajiċi, solar water heaters, heat pumps water, double glazing windows u roof insulations. B’mod partikolari lejn Birżebbuġa, huwa qal li l-Gvern impenja ruħu biex jagħlaq l-impjant ta’ San Luċjan u sa nofs is-sena d-dieħla, jingħalaq ukoll l-impjant 31 ta’ Marzu 1979, żewġ impjanti li kienu ta’ inkonvenjent għar-residenti ta’ Birżebbuġa għal snin twal.

Il-Ministru Farrugia spjega kif apparti li ser jonqos l-inkonvenjent mill-istorbju, se jinħass ukoll roħs fil-kont tad-dawl tar-residenti.

L-applikazzjonijiet għal din l-iskema jiftħu nhar it-Tnejn, 7 ta’ Diċembru  2020 u jagħlqu fil-31 ta’ Diċembru 2021. Iż-żmien li matulu jistgħu jintbagħtu l-applikazzjonijiet jista’ jingħalaq qabel jekk kemm-il darba l-fondi allokati jiġu eżawriti qabel.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com