“Stajna Konna Aktar Sensittivi” – Ix-Xogħol Fuq Iċ-Ċentru Akkwatiku Se Jsir Tard Waranofsinhar
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li nlaħaq ftehim biex ix-xogħol fuq il-pedamenti taċ-Ċentru Akkwatiku u Sportiv ġdid fir-Rabat Għawdex jsir tard waranofsinhar u jibqa’ sejjer sa tard filgħaxija.
Camilleri qal dan wara li fl-aħħar ġimgħat saru bosta lmenti minn studenti u għalliema dwar storbju li kienu qed jagħmlu l-inġenji fuq is-sit taċ-ċentru akkwatiku li jinsab fiż-żona tal-iskola.
Il-Ministru Camillieri għaraf li setgħu kienu aktar sensittivi għall-għalliema u l-istudenti anke fid-dawl tad-direttivi tas-saħħa fl-istess skejjel fejn qed jintalbu jżommu t-twieqi miftuħin.
Għaldaqstant qal li wara diskussjonijiet mal-Ministeru tal-Edukazzjoni u mal-Union tal-għalliema l-MUT, waslu għal ftehim fejn xogħol bil-‘pile driver/hammer’ li preżentament qiegħda tintuża għal pedamenti u li tagħmel ammont konsiderevoli ta’ storbju, tintuża tard waranofsinhar sa tard filgħaxija sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-istorbju waqt il-ħin tat-tagħlim.
Il-Ministru temm jgħid li waqt li l-Ministeru għal Għawdex jinsab impenjat li jwassal dan il-proġett fil-port u fil-ħin bħalma seħħ fi proġetti oħra, f’dan il-każ iridu jżommu aktar bilanċ.