Tallega Atti Ta’ Provokazzjoni Fil-Konfront Tan-Nassaba U l-Kaċċaturi
Il-Pulizija ħarrket mara barranija li fl-aħħar jiem kienet qed tmur timxi b’żewġt iklieb fil-kampanja Għawdxija u tħallihom jiġru fejn iridu u jidħlu f’mansab armat fuq art privata.
Fi stqarrija, il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti, l-FKNK qalet li r-rapport lill-pulizija sar wara li n-nassab kien ilu jipprova jkellem lil mara bil-kelma t-tajba biex iżżomm il-klieb fuq iċ-ċinga u ma tħallihomx jidħlu fil-mansab u jnaffru l-għafasar. Madankollu qalet li din il-mara lanqas qatt ma tat kasu.
Il-Federazzjoni qalet li każ simili seħħ f’Wied il-Għajn meta mara barranija dehret tersaq lejn dura ta’ kaċċatur u tħarrablu l-għasafar.
L-FKNK sejħet dawn l-atti, bħala atti ta’ provokazzjoni u sostniet li se tibqa’ tgħin lil membru tagħha li jista’ jkun vittma ta’ dawn l-atti ta’ provokazzjoni, aggressjoni u vandaliżmu.
Appellat ukoll għall-protezzjoni mill-Gvern u mill-Pulizija fil-konfront tal-membri tagħha u tal-kaċċaturi u n-nassaba kollha Maltin u Għawdxin, kontra dawn l-atti li qalet jista’ jkollhom konsegwenzi ħafna aktar serji.