Tiċċara Rapport Żbaljati Dwar Id-Dħul Fl-Univeristà Din Is-Sena
L-Università ta’ Malta ċċarat rapporti skoretti fil-midja li fi kliemha ma tawx stampa korretta rigward id-dħul fl-Università din is-sena.
Fi stqarrija, l-Università innotat li l-informazzjoni kienet tpoġġiet fuq is-sit tal-Università fil-bidu ta’ April li għadda, u saru diversi webinars matul is-sajf biex iżommu lill-istudenti informati sewwa u għalhekk qalet li mhux veru li l-istudenti tħallew fid-dlam.
Tenniet li s-sessjonijiet tal-Matrikola normalment isiru f’Mejju u f’Settembru. Madankollu qalet li din is-sena ż-żewg sessjonijiet ngħaqdu f’waħda u hemm ukoll sessjoni ta’ resits f’Diċembru.
Sostnietli Bl-istess mod bħal qabel, din is-sena wkoll, dawk l-istudenti tas-sixth form li rreġistraw għas-sessjoni ta’ Settembru biss, mhumiex eliġibbli għall-resit.
Barra minn hekk, l-Università qalet li rrevediet u naqqset il-kriterji tad-dħul għall-maġġoranza tal-korsijiet.
Fakkret ukoll li permezz ta’ ittra li ntbagħtet lil kull applikant, l-Università għamlitha ċara li l-istudenti kienu se jitħallew jibdew il-kors sakemm joħorgu r-riżultati tal-MATSEC u jekk ma jiksbux mill-anqas 36 punt bil-kriterji mibdula kienu se jitwaqqfu.
Qalet li min ma jissodisfax ir-rekwiżiti kollha normali skont it-tabella imma jikseb mill-inqas 36 punt se jitħalla jkompli l-kors bħala student fuq probation. Innotat li normalment, jekk student fl-ewwel sena jeħel minn numru żgħir ta’ study-units jitħalla jitla’ fit-tieni sena u jkompli l-kors, filwaqt illi student fuq probation f’din iċ-ċirkostanza jkollu jieqaf mill-kors.
Is-sessjoni ta’ Diċembru se tkun sessjoni ta’ resits għal min ġab is-36 punt u jixtieq li l-istatus tiegħu fil-kors li ġie aċċettat għalih jinbidel minn student fuq probation għal student regolari.
Madankollu, l-Università qalet li student fuq probation li jtemm b’suċċess l-ewwel sena ta’ studju jkun jista’ jkompli l-kors bħala student regolari.
Temmet tgħid li min ġab anqas minn 36 punt u jkun eliġibbli li joqgħod għas-sessjoni ta’ Diċembru jkun jista’ jtejjeb ir-riżultati tiegħu biex jgħoddu għad-dħul fl-Università f’Ottubru 2021.