Tlett Irġiel u Mara Arrestati F’Bormla Fuq Traffikar Ta’ Droga
Il-ġlieda tal-Pulizija kontra l-kriminalità organizzata qed tilħaq livelli bla preċedent. Fl-aħħar ħin, ħidma intensiva oħra tal-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga wasslet għall-arrest ta’ erba’ persuni, tlett irġiel u mara ta’ bejn l-20 u s-26 sena.
Kienu għall-ħabta tal-11.00 a.m. tal-bieraħ meta l-pulizija daħlu f’residenza, Bormla fejn hemmhekk arrestaw lill-persuni. Waqt tfittxija fir-residenza l-pulizija sabu sustanzi aktarx droga sintetika, ħaxixa tal-kannabis, eroina u oġġetti relatati mal-użu tad-droga.
Tnejn mill-irġiel mistennija jitressqu l-Qorti llum għall-ħabta tas-sagħtejn quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Marseann Farrugia fejn se jiġu mixlija b’akkużi relatati ma’ dan il-każ.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin waqt li għaddejja inkjesta mill-Maġistrat tal-Għassa Audrey Demicoli.
Dan il-każ isegwi qabda ta’ 1.6 kilo droga li saret f’Ħal Luqa bil-valur tagħha fit-triq jammonta għal madwar €90,000.
F’din l-investigazzjoni, il-Pulizija arrestat raġel ta’ 36 sena minn Ħal Luqa u ieħor ta’ 31 sena minn Birżebbuġa. Huma twaqqfu mill-Pulizija waqt li kienu f’vettura fuq suspett ta’ traffikar ta’ droga. Waqt tfittxija fil-vettura, il-Pulizija sabet żewġ blokok ta’ sustanza aktarx droga kokaina, b’piż ta’ madwar 1.3kg.