Torrijiet “Oranġjo” Kontra L-Vjolenza Domestika

 Torrijiet “Oranġjo” Kontra L-Vjolenza Domestika

Torrijiet madwar il-gżejjer Maltin li fl-imgħoddi kienu jservu ta’ għassa għall-kosta Maltija se jkunu qegħdin jixtegħlu bil-kulur oranġjo għall-16-il jum bħala simbolu ta’ għarfien u attiviżmu kontra l-vjolenza domestika.

Il-kampanja tnediet minn Dr Lydia Abela, mart il-Prim Ministru quddiem it-Torri ta’ Wignacourt f’San Pawl il-Baħar fil-preżenza ta’ diversi ministri u segretarji parlamentari.

Dr Abela qalet li fix-xogħol legali tagħha tiltaqa ma’ ħafna nisa li jitolbuha biex tgħinhom għax ma jkunux jistgħu jifilħu iktar lir-raġel jerfa’ jdejh fuqhom jew jistaqsuha kif se jagħmlu biex jipproteġu lil uliehdom. Iżda mbagħad dawn il-vittmi jibżgħu jirrappurtaw, għax iħossu li jħobbu lir-raġel tagħhom u ma jridux jispiċċaw il-qorti u jkissru l-familja.

Qalet li tiltaqa’ wkoll ma’ rġiel li ma jkunux jifilħu aktar l-abbuż verbali mill-mara tagħhom, bi kliem li jweġġa’ ta’ kuljum li jista’ jwassal għal problemi mentali.

Il-mara tal-Prim Ministru saħqet li s-soċjetà spiss tiftakar fil-vjolenza domestika meta tara swat fuq individwu jew persuni vulnerabbli bħal anzjani u persuni b’diżabbiltà li jistgħu jkunu iktar f’riskju ta’ vjolenza domestika. Qalet li l-każijiet ta’ vjolenza domestika m’għandhomx iwasslu biex niġġudikaw u lanqas għandhom jitqiesu bħala statistika biss.

Għalhekk, f’dawn is-sittax-il ġurnata ta’ attiviżmu, Dr Lydia Abela se tisma personalment mingħand il-vittmi sabiex, filwaqt li titqajjem aktar kuxjenza, pajjiżna jkompli jara fejn hemm bżonn ta’ iktar investiment favur l-istrateġija li jinħolqu servizzi aċċessibbli għal aktar nies.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com