Uffiċjali: Ara T-Tibdil Kollu Fil-kabinett Ta’ Abela
Wara ż-żewġ co-options fil-Parlament Malti nhar id-19 ta’ Ottubru li għadda, u wara li tħabbar li l-Ministru għall-Finanzi huwa rrakomandat biex jinħatar Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, il-Prim Ministru Robert Abela illum wettaq bidliet fil-kabinett immexxi minnu.
Il-bidliet ikomplu jikkaratterizzaw il-kabinett bħala wieħed ta’ talent u maqgħud, b’element qawwi ta’ żgħażagħ u bil-parteċipazzjoni tan-nisa kollha fil-Grupp Parlamentari tal-Gvern.
Il-prijorita tal-Prim Ministru f’dawn id-deċiżjonijiet kienet li l-pajjiż ikompli miexi b’saħħtu ‘l quddiem billi jwettaq iktar bidliet u riformi li jtejjbu l-kwalita’ tal-ħajja tal-Għawdxin u Maltin.
F’diskussjonijiet produttivi li kellu mal-Ministri u Segretarji Parlamentari, Dr Abela enfasizza l-bżonn li l-Gvern ikompli jwieżen lil dawk li l-aktar għandhom bżonn, isaħħaħ ix-xogħol u joħloq klima ta’ investiment, u jħejji lil Malta għal futur.
Dan huwa l-kabinett li jista’ jkompli jindirizza u joffri s-serħan il-moħħ lill-familji, l-ħaddiema u n-negozji. Għaliex huwa l-kabinett li huwa kburi b’dan il-pajjiż u li jemmen fil-poplu taghna.
Intant, Glenn Micallef inħatar bħala Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru minflok Clyde Caruana li issa huwa l-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol.
Glenn Micallef hu gradwat fl-ekonomija u fil-politika Ewropea. Fl-aħħar snin Micallef okkupa l-kariga ta’ Direttur Ġenerali tad-Dipartiment ta’ Koordinazzjoni tal-Unjoni Ewropea u minn Jannar li għadda l-kariga ta’ konsulent tal-Prim Ministru għall-Affarijiet Ewropej, fejn kien ukoll parti mit-tim ta’ negozjati li wasslu biex pajjiżna kiseb allokazzjoni rekord ta’ €2.25 biljun f’fondi Ewropej għas-seba snin li ġejjin.
Dawn huma l-Ministri fil-Kabinett:
Robert Abela
Prim Ministru
Chris Fearne
Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa
Evarist Bartolo
Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej
Michael Farrugia
Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanita Attiva
Owen Bonnici
Ministru għar-Riċerka, Innovazzjoni u l-Koordinazzjoni tal-Istrateġija wara Covid-19
José Herrera
Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali
Carmelo Abela
Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru
Ian Borg
Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali
Michael Falzon
Ministru għas-Solidarjeta u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-tfal
Edward Zammit Lewis
Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza
Anton Refalo
Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali
Roderick Galdes
Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali
Justyne Caruana
Ministru għall-Edukazzjoni
Silvio Schembri
Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija
Julia Farrugia Portelli
Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalita’ tal-Ħajja
Aaron Farrugia
Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar
Clint Camilleri
Ministru għal Għawdex
Byron Camilleri
Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi
Clayton Bartolo
Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumaturi
Miriam Dalli
Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli
Clyde Caruana
Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol
Dawn huma s-Segretarji Parlamentari fil-Kabinett:
Stefan Zrinzo Azzopardi
Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru
Rosianne Cutajar
Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet Ċivili u r-Riformi fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza
Clifton Grima
Segretarju Parlamentari għall-Isport, Rikreazzjoni u Organiżazzjonijiet Volontarji fi ħdan il-Ministeru ghall-Inkluzjoni u l-Kwalita’ tal-Hajja
Chris Agius
Segretarju Parlamentari għall-Kostruzzjoni fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar
Alex Muscat
Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet fi ħdan il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi
Deo Debattista
Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur