Żagħżugħ Ta’ 19-Il Sena Jmut F’Inċident fl-Imġarr U Ieħor Ta’ 18-Il Sena Fil-Periklu

 Żagħżugħ Ta’ 19-Il Sena Jmut F’Inċident fl-Imġarr U Ieħor Ta’ 18-Il Sena Fil-Periklu

Żagħżugħ ta’ 19-il sena mill-Mosta tilef ħajtu traġikament u ieħor ta’ 18-il sena li kien passiġġier miegħu fl-istess karozza qiegħed jissielet għal ħajtu wara li tard ilbieraħ filgħaxija kienu involuti f’ħabta frontali ma’ karozza oħra fl-Imġarr. Il-kundizzjoni tas-sewwieq l-ieħor għadha mhix magħrufa.

L-inċident seħħ għall-ħabta  tal-11.15 p.m. fi Triq Sir Temi Zammit meta għal xi raġuni l-vittma ta’ 19-il sena li kien qiegħed isuq Toyota kien involut f’ħabta kbira ma’ karozza tal-għamla Mitsubishi, misjuqa minn raġel ta’ 35 sena u li joqgħod l-Imġarr. Huwa kienet qiegħed isuq fid-direzzjoni tal-Imġarr waqt li l-vittma li kellu passiġġier miegħu żagħżugħ ta’ 18-il sena kien qed isuq fid-direzzjoni tal-Mosta.

Minħabba l-gravità tal-każ, minnufih fuq il-post issejħet l-assistenza tal-membri tal-Protezzjoni Ċivili biex joħorġu liż-żgħażagħ mit-Toyota li ġarrbet ħsarat estensivi..

Tim mediku mill-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei taw l-ewwel għajnuna lit-tliet persuni involuti u wara ttieħdu l-isptar.

Sfortunatament iż-żagħżugħ ta’ 19-il sena ġie ċċertifikat li miet ftit wara kawża tal-ġrieħi serji li ġarrab, waqt li l-ġuvni ta’ 18-il sena weġġa’ b’mod serju. Il-ġrieħi tar-raġel ta’ 35 sena għadhom pendenti.

Bl-inċident ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Marseann Farrugia li ħatret inkjesta waqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija qegħdin jitmexxew minn tad-Distrett tal-Mosta.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com