Aħbar Xejn Sabiħa Dwar Debenhams!
Iktar kmieni xterdet l-aħbar li Debenhams se jagħlaq il-ħwienet kollha b’telf possibli ta’ 12,000 impjieg. Se jiskatta l-proċess ta’ likwidazzjoni hekk kif dalgħodu ma ntlaħaqx ftehim wara laqgħa ta’ diskussjoni.
Debenhams timpjega 12-il elf impjegat f’124 ħanut fir-Renju Unit iżda dawn kollha jinsabu f’riskju hekk kif il-kumpanija naqset milli ssib xerrej potenzjali. ’JD Sports’ deher lest li jsalva d-ditta iżda jikkonferma li d-diskussjonijiet mal-amministraturi ta’ Debenhams rigward akkwist potenzjali tan-negozju issa ġew mitmuma. ‘JD Sports’ iddisassoċjat ruħha mit-taħdidiet hekk kif saru jafu li l-ikbar fornitur ta’ Debenhams – ‘Arcadia’ ta’ Sir Philip Green, qiegħed jiffaċċja wkoll diffikultajiet.
Geoff Rowley minn FRP Advisory, amministratur konġunt ta’ Debenhams u msieħeb ma’ FRP, qal fi stqarrija: “Ittieħdu l-passi raġonevoli kollha biex titlesta tranżazzjoni li tiżgura l-futur ta’ Debenhams. Madankollu, ix-xenarju ekonomiku huwa ta’ sfida kbira li, flimkien ma’ l-inċertezza li qed tiffaċċja l-industrija, ftehim vijabbli ma setax jintlaħaq. Id-deċiżjoni li nimxu ‘l quddiem bi programm maħdum tajjeb ġiet indirizzata bir-reqqa u, filwaqt li nibqgħu nittamaw li nirċievu proposti alternattivi għan-negozju, jiddispjaċina ħafna iżda ċ-ċirkostanzi jġegħluna nibdew dan il-proċess.”