“Aktar Inkwetajt Għall-Mara Li Kienet Qed Issuq. Tajtha L-Ġakketta Tiegħi.” – Il-Ġuvni Li Ttajjar Fil-Gżira

 “Aktar Inkwetajt Għall-Mara Li Kienet Qed Issuq. Tajtha L-Ġakketta Tiegħi.” – Il-Ġuvni Li Ttajjar Fil-Gżira

Iż-żagħżugħ Omar Abdelghani huwa Malti-Eġizjan li l-filmat tiegħu jittajjar minn vettura mar-viral illum.

Jidher li l-inċident seħħ madwar ġimgħatejn ilu meta Abdelghani kien qed jistenna fuq bus stop fil-Gżira li m’għandhiex bankina.

F’kumment li ta lil Lovin Malta, il-ġuvni qal li ddeċieda li jaqsam it-triq, iżda naqas milli jħares fuq iż-żewġ naħat qabel għamel dan. “Għamilt tlett passi u sibt ruħi ntir fl-arja”, qal Omar Abdelghani.

Intant, huwa qal li ħareġ minn dan l-aċċident mingħajr gifra, tant li qam bilwieqfa fi ftit sekondi u ma ħass l-ebda uġiegħ. Minkejja li ma ħassx li kellu bżonn għajnuna medika, il-mediċi tal-ambulanza u l-pulizija nsistew miegħu li jmur l-isptar. Huwa qatta’ tlett siegħat f’Mater Dei u mar lura l-iskola l-għada.

“Jien aktar inkwetajt għall-mara li kienet qed issuq il-karozza. Kienet ippanikjata ħafna u bdiet tirtogħod. Ikkalmajtha u tajtha l-ġakketta tiegħi”, temm jgħid Abdelghani.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com