Anzjan Ħati Li Ta Daqqa Ta’ Ponn U Kiser Imnieħer Martu
Anzjan ta’ 69 sena mis-Siġġiewi kien ikkundannat sitt xhur ħabs sospiżi għal 18-il xahar wara li nstab ħati li ta daqqa ta’ ponn lil martu.
Ir-raġel li ismu ma jistax jixxandar b’ordni tal-qorti kien mixli li fit-28 ta’ Mejju ta’ seba’ snin ilu, fid-dar tal-koppja, darab lil martu u li beżża’ kemm lilha kif ukoll lil binthom.
Għalkemm l-omm għażlet li ma tixhidx kontra żewġha, bintha xehdet li missierha ta daqqa ta’ ponn lil ommha u kisrilha mneħirha waqt argument bejniethom.
Waqt li sabitu ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello ordnatlu biex ma jersaqx lejn martu għal perjodu ta’ 12-il xahar u wissietu li jekk jikser din l-ordni jeħel multa ta’ €1,000.
Il-prosekuzzjoni f’din il-kawża tmexxiet mill-ispettur Roderick Agius.