Bħal-lum 43 Sena Seħħ Il-Qtil Politiku Ta’ Karin Grech

 Bħal-lum 43 Sena Seħħ Il-Qtil Politiku Ta’ Karin Grech

Bħal-lum 43 sena, pajjiżna nħasad bil-qtil politiku tat-tfajla ta’ 14-il sena, Karin Grech, bint il-Professur Edwin Grech.

Karin inqatlet kiesaħ u biered fid-dar ta’ ommha u missierha f’San Ġiljan malli fetħtet pakkett li kien fih kien hemm bomba fil-forma ta’ rigal tal-Milied. Il-pakkett kien ntbagħat bil-posta u li kien mibgħut lill-missierha li ftit qabel kien ġie mwissi biex “jiftakar li għandu t-tfal”. Dan wara li ddeċieda li ma jieħux sehem fl-istrajk li t-tobba kienu ordnaw fl-isptarijiet Maltin.

Il-pakkett kien tqassam mill-pustier għall-ħabta ta’ 12.00 p.m. u kien imgeżwer f’ħafna karti. Il-qattiela ta’ Karin kienu poġġew pinna li splodiet malli Karin fetħet il-pakkett li fih suppost kien hemm rigal. Kaġun tal-ispluzjoni, ħuha Kevin li kien ħdejha kien indarab.

Fil-fatt il-qtil politiku ta’ Grech seħħ fi żmien meta l-Assoċjazzjoni Medika Maltija kienet f’tilwima mal-Gvern u ordnat strajk. Madankollu, il-Professur Grech flimkien ma’ xi tobba oħrajn, fosthom it-tabib Mosti Pawlu Chetcuti Caruana kienu ddeċiedew li ma jistrajkjawx u baqgħu jaraw il-pazjenti. Chetcuti Caruana kien irċieva pakkett simili għal dak li rċieva l-Prof. Grech li b’xorti tajba ma ħax.

Tul is-snin, il-Pulizija qatt ma sabet evidenza li biha setgħet tressaq lil xi ħadd quddiem il-qorti biex issir ġustizzja ma’ Karin Grech.

Lejn l-aħħar ta’ Novembru tal-2010, il-Qorti Ċivili ordnat lill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien biex iħallas kumpens ta’ ftit aktar minn 400,000 lill-Prof. Grech u lill-familja tiegħu. Il-Qorti kienet għamiltha ċara li l-qtil seħħ konsegwenza tas-servizzi li l-Prof. Grech offra lill-Gvern ta’ Malta u li d-deċiżjoni tal-gvern ta’ dak iż-żmien li jirrifjuta li jagħti kumpens, kienet diskriminatorja.

Jiem wara d-deċiżjoni tal-Qorti Ċivili, il-Gvern immexxi mill-ex Prim Ministru Lawrence Gonzi kien appella mis-sentenza għax qal li dan ma kienx qtil politiku.

Madankollu fil-11 ta’ April tal-2011, il-Qorti Kostituzzjonali ċaħdet l-appell tal-gvern u kkonfermat is-sentenza tal-Qorti Ċivili.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com