B’Investiment ta’ €55,000 Il-Fondazzjoni Marigold Għenet Lil Dar Żernieq Tieħu R-Ruħ Mill-Ġdid

 B’Investiment ta’ €55,000 Il-Fondazzjoni Marigold Għenet Lil Dar Żernieq Tieħu R-Ruħ Mill-Ġdid

Il-Fondazzjoni Marigold għenet lil Dar Żernieq fis-Siġġiewi biex terġa’ tieħu r-ruħ, permezz ta’ xogħol ta’ ristrutturar li kien hemm tant bżonn li jsir. Din id-dar tilqa’ fiha 4 residenti b’diżabbilità intellettwali li jgħixu fil-komunità taħt is-superviżjoni tad-Dar tal-Providenza.

Wara 26 sena, inħass li din id-dar kellha bżonn dawra sew u l-Fondazzjoni Marigold aċċettat li tidħol għal dan il-proġett fejn saru installazzjonijiet ta’ servizzi ġodda, elevator ġdid, kmamar tal-banju ġodda, aperturi, madum u anke għamara ġdida.

Il-proġett ser ikun lest qabel il-Milied biex jilqa’ fih lura lir-residenti li kienu jgħixu fih u li kellhom jimxu lejn id-Dar tal-Providenza sakemm saru x-xogħlijiet.

“Dan ix-xogħol juri kemm dak li jkollna fuq il-karta, nagħmluh fil-prattika u ngħinu biex intejbu l-ħajja tan-nies li għandhom bżonn. Illum ma nħarsux lejn id-diżabbilità imma lejn l-abbiltà li persuna tista’ tilħaq f’ħajjitha…” tenniet Michelle Muscat filwaqt li saħqet kemm proġetti ta’ din ix-xorta, jgħinu lill-ġenituri ta’ dawn l-ulied biex iserħu moħħhom li t-tfal tagħhom ser ikollhom attenzjoni u dar bi mħabba anke meta jiġu nieqsa huma.

Fr. Martin Micallef sostna li l-Fondazzjoni Marigold tibqa’ waħda mill-benefatturi u kollaboraturi tad-Dar tal-Providenza fejn tgħin biex proġetti jsiru realtà biex ikunu mgħejjuna nies vulnerabbli fis-soċjetà tagħna. Qal ukoll li l-hena tiegħu jkun dak il-mument li jara lir-residenti ferħana li sejrin jgħixu lura f’ambjent isbaħ u aqwa.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com