Claire Micallef Pule’ Tingħata ‘Ġieħ il-Kalkara 2020’ Għax-Xogħol B’Risq Il-Malta Community Chest Fund Foundation
Is-Sindku Wayne Aquilina, fil-preżenza tas-Sinjura Miriam Vella, Mart il-President ta’ Malta, ippreżentaw ”Ġieħ Il-Kalkara 2020” lil Claire Micallef Pule’ fl-okkażjoni ta’ Jum il-Kalkara.
Claire Micallef Pule’ ilha taħdem fl-uffiċju tal-President tar-Repubblika mill-1994 u serviet taħt sitt Presidenti. Illum għandha l-inkarigu li tamministra lil The Malta Community Chest Fund Foundation, rwol li bdietu 11-il sena ilu.
Claire Micallef Pule’ dejjem qieset din il-kariga u dan l-irwol importanti bħala missjoni, aktar milli b’xogħol u xhieda ta’ dan hija l-fiduċja li dejjem, ingħatat minn diversi Presidenti tar-Repubblika biex tkompli tmexxi dan il-qasam delikat u ta’ fejda, kif ukoll ix-xhieda u t-testimonjanza ta’ persuni u familji li tul is-snin ġew bżonn l-għajnuna ta’ The Malta Community Chest Fund Foundation, nies li hija assistiet u segwiet b’impenn u dedikazzjoni, iżda wkoll b’sens ta’ mħabba u attenzjoni personali lejn il-batut u l-marid.
Is-Sindku tal-Kalkara Wayne Aquilina f’kumment fuq il-midja soċjali sostna dan l-unur jixraq lil Claire Micallef Pule’ għad-dedikazzjoni bla limitu fl-inkarigu tagħha, sostna li hija mara b’passjoni li tmexxi dan il-qasam delikat u ta’ fejda, b’sens ta’ mħabba u attenzjoni personali lejn il-batut u l-marid.