€30 Miljun Addizzjonali Fl-Edukazzjoni Minħabba L-COVID-19

 €30 Miljun Addizzjonali Fl-Edukazzjoni Minħabba L-COVID-19

Bil-għan li l-iskejjel setgħu jiftħu l-bibien tagħhom għall-edukazzjoni tal-istudenti fi żmien il-pandemija, il-Gvern daħal fi spiża addizzjoni ta’ €30 miljun.

Ħabbru dan il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana f’konferenza tal-aħbarijiet dwar l-investiment kbir li sar fl-edukazzjoni f’din is-sena skolastika.

“Għal din is-sena, fuq sena skolastika waħda, l-Gvern nefaq ’il fuq minn €30 miljun addizzjonali sabiex ikun possibli li t-tfal jieħdu l-aħjar edukazzjoni bil-prekawzjonijiet kollha meħtieġa.”

Spjega li dawn it-€30 miljun addizzjonali ntefqu biex tiżdied l-aċċessibiltà fit-trasport, tiżdied is-superviżjoni u investiment fit-tgħamir kollu neċessarju biex l-iskejjel jippreparaw ruħhom għar-realtà l-ġdida tal-pandemija. Barra l-iskejjel tal-Istat, minn dawn il-flus gawdew ukoll l-iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti.

Minn naħa tagħha, il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana tat rendikont ta’ x’sar biex mal-għeluq tal-iskejjel f’Marzu minħabba l-pandemija, bdiet ħidma mall-ewwel biex fil-mument opportun jerġgħu jinfetħu l-iskejjel, kif filfatt infetħu fil-bidu ta’ Ottubru li għadda.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni qalet li l-Ministeru kien proattiv mill-bidu nett fiċ-ċirkostanzi straordinarji li ġabet maghha l-imxija tal-COVID-19. Bdew mall-ewwel laqgħat fuq livell lokali u wkoll internazzjonali, fosthom mal-Organiżazzjoni Dinjija tas-Saħħa u mal-Awtoritajiet tas-Saħħa Maltin.

Il-Ministru Caruana fakkret li tnieda wkoll sit fuq l-internet b’xejn – teleskola.com.mt b’ riżorsi ta’ tagħlim online u llum dan is-sit qed ikun aġġornat kuljum b’għadd ta’ lezzjonijiet online li qed isiru minn edukaturi f’diversi suġġetti. Sal-lum hemm 3,000 lezzjoni onlajn f’dan is-sit.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com