Fitch Tikkonferma R-Rating Ta’ Pajjiżna Bħala ‘A+’ Bi Prospetti Stabbli

 Fitch Tikkonferma R-Rating Ta’ Pajjiżna Bħala ‘A+’ Bi Prospetti Stabbli

L-aġenzija internazzjonali Fitch Ratings ikkonfermat ir-rating ta’ pajjiżna bħala ‘A+’ bi prospetti stabbli. Dan minkejja l-impatt ekonomiku negattiv tal-pandemija, liema impatt qed iwassal biex din l-aġenzija tirrevedi ’l isfel il-klassifikazzjoni ta’ diversi pajjiżi. Pereżempju, l-Islovakkja, li bdiet is-sena ‘A+’ bħal Malta, ġiet downgraded f’Mejju mbagħad f’Novembru ngħatat prospett negattiv anke fuq dan ir-rating imnaqqas. Kemm l-Italja kif ukoll ir-Renju Unit ingħataw downgrade minn Fitch u din l-aġenzija tat prospetti negattivi lill-Belġju, lil Franza u lir-Rumanija.

L-esperti ta’ Fitch Ratings taw fiduċja lil Malta għax sostnew li hija, “Fitch’s expectation that GDP growth will recover and the budget deficit narrow in 2021 and 2022”. Filwaqt li nnutaw li t-turiżmu kien kajman minħabba l-imxija, dawn l-esperti internazzjonali nnutaw ir-reżiljenza ta’ setturi oħrajn fosthom tal-informatika u tal-qasam tal-proprjetà.

Aktar importanti minn hekk ir-rapport jistqarr, “We expect a stronger recovery, with GDP growth at 5.4% in 2021 and 3.9% in 2022 (previously 4.1% and 3.5%, respectively)”. L-aspettattivi pożittivi tal-aġenzija indipendenti Fitch tjiebu anke aktar minn qabel. Fitch qed ibassru tkabbir ta’ 4.5% fl-2021 u ta’ 3.2% fl-2022 għaż-żona ewro, li jfisser li skont Fitch pajjiżna ser jikber ferm aktar mill-medja Ewropea.

Ir-rapport tal-aġenzija jinnota li l-qgħad baqa’ kontrollat f’pajjiżna filwaqt li sostna li l-estensjoni tal-wage supplement ser tkompli tissalvagwardja l-impjiegi. Element importanti wara l-fiduċja ta’ Fitch huwa l-kisba tal-gvern ta’ ammont rekord ta’ fondi Ewropej.

Fi kliem l-esperti, l-ammont miksub huwa aktar mid-doppju tal-ammont li kien inkiseb minn amministrazzjoni preċedenti. Fil-fatt, anke jekk jitnaqqas l-appoġġ kollu li mistenni jagħti l-gvern lin-negozji u lill-familji din is-sena u d-dieħla, xorta l-ammont ta’ fondi Ewropej li jifdal huwa aktar mill-ammont miksub mill-gvern preċedenti.

Qalu li l-piż tad-dejn nazzjonali mhux veru ser jisplodi. Tant li Fitch ibassru li se jkun qrib is-60% u fil-medja tal-pajjiżi b’ranking ta’ ‘A’. Barra minn hekk, l-għaqal ta’ kif ġie ffinanzjat id-defiċit, il-ħlas tal-imgħax se jkun ta’ 3% tad-dħul tal-gvern mentri l-medja fost pajjiżi ta’ ranking bħal tagħna huwa eqreb il-5%.

Aspett ieħor interessanti fir-rapport ta’ Fitch huwa li skont dawn l-esperti, “Malta has made substantial progress in improving its supervisory framework”. Barra minn hekk, ir-rapport jikkonferma li fejn tidħol kwalità ta’ governanza, pajjiżna huwa, “At par with A-rated median”.

Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana qal, “Iċ-ċertifikat pożittiv li ngħata lil pajjiżna mill-aġenzija internazzjonali Fitch Ratings huwa konferma oħra tal-għaqal li bih tmexxiet l-ekonomija tagħna u l-finanzi pubbliċi f’dan iż-żmien ta’ sfida. Dan flimkien mat-titjib fil-qasam tal-governanza ser jipprovdi pedament sod għat-tkabbir b’saħħtu ta’ pajjiżna fis-snin li ġejjin”.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com