Il-Gvern Jgħid li L-Bord Ta’ Inkjesta Għandu Jtemm L-Inkarigu Kif Ġie Kompost
Il-Gvern qal li l-Bord tal-Inkjesta kif kompost għandu jtemm l-inkarigu li ngħata.
Fi stqarrija, il-Gvern qal li rċieva d-dikjarazzjoni tal-Imħallef Abigail Lofaro li fiha qalet li tarax li kellha raġuni għaliex tirrikuża ruħha mill-inkjesta wara li sar magħruf li żewġha, kien involut fil-bejgħ ta’ proprjetà fl-Imdina lil Yorgen Fenech.
Il-Gvern qal li ra wkoll il-pożizzjoni li ġiet espressa miż-żewġ membri l-oħra tal-Bord kif ukoll mill-familja ta’ Daphne Caruana Galizia.
Fl-istess waqt għamel referenza għad-dikjarazzjoni li għamel ilbieraħ il-Prim Ministru fejn qal li hu ser jipproteġi l-inkjesta pubblika, u li ma ser iħalli lil ħadd jimminaha.
Il-Gvern reġa’ tenna din il-pożizzjoni u għalhekk qal li hu tal-fehma li l-Bord tal-Inkjesta, kif kompost, għandu jespleta l-inkarigu lilu mogħti.