Il-Kabinett Japprova Emenda Fil-Liġi Biex Kull Festa Pubblika Fi Tmiem il-Ġimgħa Tiżdied Mal-Leave

 Il-Kabinett Japprova Emenda Fil-Liġi Biex Kull Festa Pubblika Fi Tmiem il-Ġimgħa Tiżdied Mal-Leave

Il-Kabinett tal-Ministri approva emenda mressqa mill-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela fl-Att dwar il-Festi Nazzjonali u Btajjel Pubbliċi Oħra.

Permezz ta’ din l-emenda l-Gvern qal li se jwettaq wegħda elettorali oħra b’mod sħiħ u se jreġġa’ lura dak li Gvern Nazzjonalista kien għamel fis-sena 2005.

Bl-emenda li saret fis-sena 2005 kien intilef id-dritt li meta festa nazzjonali jew btala pubblika taħbat is-Sibt jew il-Ħadd, dik il-ġurnata tiżdied bħala jum ieħor ta’ leave ta’ vaganza.

Il-Ministeru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal li issa b’din l-emenda, li trid tgħaddi wkoll mill-Parlament, kull festa nazzjonali jew btala pubblika li taħbat fil-ġurnata tas-Sibt jew tal-Ħadd, se tkun qed tiżdied mal-leave.

Dan ifisser li mis-sena 2021 il-ħaddiema se jieħdu kull ġurnata li taħbat bħala Festa Nazzjonali jew btala pubblika.

Il-Ministru Carmelo Abela qal li dan il-Gvern se jkun qed jagħti lura dak li ħaddieħor ċaħħad u dan b’mod sħiħ. Bil-fatti l-Gvern qed juri li jemmen fil-bżonn ta’ bilanċ bejn il-ħajja privata u x-xogħol.

“Dan huwa Gvern li jemmen fil-kontribut siewi u ġust li kull ħaddiem irid jagħti fuq il-post tax-xogħol imma fl-istess waqt li l-istess ħaddiema għandhom ikollhom ħin għalihom u għall-familja tagħhom.”

Huwa temm jgħid li din l-emenda hija eżempju ieħor ta’ kemm dan il-Gvern iwettaq dak li jwiegħed.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com