Il-PM Jinawgura T-Tieni Fażi Tal-Proġett Tal-Padiljun Tal-Basketball F’Ta’ Qali
Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura t-tieni fażi tal-proġett tal-Padiljun tal-Basketball f’Ta Qali, b’investiment ta’ madwar €1,000,000. Din il-faċilità ta’ livell internazzjonali hija waħda minn bosta proġetti fil-qasam sportiv li għandhom l-għan li jkomplu jtejbu l-livell tal-isport f’pajjiżna.
Il-Padiljun li ilu mibni minn żmien it-Tieni Gwerra Dinjija nħgata sura ġdida permezz ta’ investiment kbir li sar fl-aħħar snin. Dan wara li fl-ewwel fażi tal-proġett sar saqaf ġdid waqt li fit-tieni fażi tal-proġett inbnew stands akbar għall-ispettaturi biex il-padiljun illum jista’ jilqa’ fih sa elf spettatur.
Il-proġett inkluda wkoll uffiċini u mħażen ġodda, restorant ġdid u anke kmamar ġodda għall-atleti. Fl-istess waqt ingħatat attenzjoni wkoll biex l-arena tkun aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà fejn ġew installati liftijiet u saru rampi apposta sabiex il-padiljun ikun aċċessibbli għal kulħadd. Dan ix-xogħol jikkumplimenta wkoll diversi inizjattivi li ħadet l-MBA.
Fl-inawgurazzjoni tal-proġett, il-Prim Ministru qal li huwa kburi ħafna bix-xogħlijiet li saru u saħaq fuq l-importanza tal-isport biex nibnu soċjetà b’valuri soda, ħanina u dixxiplinati.
“L-iktar li laqatni l-fatt li din l-arena hija aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà kemm bħala spettaturi iżda attrezzata wkoll biex il-persuni b’diżabbiltà jkunu jistgħu jipprattikaw il-logħba tal-basketball”, qal il-Prim Ministru. Qal li dan jgħaqqad mal-politika tal-inklużjoni tal-gvern u kien għalhekk li eleva s-settur tad-diżabilità fuq livell ta’ ministeru.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima rringrazzja lil SportMalta u l-impenn tal-MBA li kellhom irwol ċentrali fit-twettiq ta’ dan il-proġett. Saħaq li dan huwa proġett li se jitfa’ lil Malta fuq il-mappa tal-kompetizzjonijiet internazzjonali b’arena tal-ogħla livell.
Huwa żied jgħid li b’dan l-investiment Malta għandha padiljun ta’ livell internazzjonali li mhux biss jospita logħob u tournaments ta’ livell nazzjonali iżda post li ser jintuża għal-Loghob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa li Malta ser tospita fl-2023.