Il-PN Jgħid Li L-Gvern Irid iżid Is-Segretezza Fil-Bejgħ Taċ-Ċittadinanza

 Il-PN Jgħid Li L-Gvern Irid iżid Is-Segretezza Fil-Bejgħ Taċ-Ċittadinanza

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Tisħiħ tad-Demokrazija, għaċ-Ċittadinanza u r-Riforma tas-Servizz Pubbliku Karol Aquilina qal li permezz ta’ Avviż Legali ġdid li ġie ppubblikat ftit jiem qabel il-Milied, il-Ministru Byron Camilleri ta lilu nnifsu l-poter li jżomm sigrieti l-ismijiet ta’ persuni li jkunu xtraw iċ-ċittadinanza Maltija u dan fid-diskrezzjoni assoluta tiegħu.

Fi stqarrija Aquilina qal li dan ifisser li l-Gvern irid iżid is-segretezza fl-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija.

Fakkar li fix-xhur li għaddew ġew irrappurtati u kkonfermati każijiet ta’ persuni li xtraw iċ-ċittadinanza Maltija u li llum huma akkużati jew saħansitra misjuba ħatja ta’ reati serji fosthom ta’ ħasil ta’ flus, frodi, kuntrabandu, dħul minn korruzzjoni u evażjoni ta’ taxxa. Qal li għall-Oppożizzjoni dan mhux aċċettabbli mhux biss għaliex ikompli jagħmel ħsara lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna iżda wkoll għaliex huwa kontra l-liġi.

Aquilina żied jgħid li sa qabel il-pubblikazzjoni tal-Avviż Legali 458 tal-2020, il-Ministru responsabbli kien obbligat li sa kull l-aħħar tas-sena jara li tiġi ppubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern lista tal-persuni kollha li jkunu saru ċittadini Maltin fis-sena ta’ qabel. Dan ifisser li sal-aħħar ta’ din is-sena il-Gvern irid jippubblika l-ismijiet ta’ dawk li jkunu saru ċittadini Maltin matul is-sena li għaddiet u cioè l-2019.

Qalli l-Att dwar iċ-Ċittadinanza permezz tal-artikolu 24 jipprovdi li l-Ministru responsabbli miċ-ċittadinanza jista’ permezz tal-President ta’ Malta jagħmel regolamenti dwar il-pubblikazzjoni ta’ ismijiet ta’ persuni li jkunu għamlu applikazzjoni biex isiru ċittadini Maltin jew li jkunu ġew ipprivati miċ-ċittadinanza Maltija. Dan ifisser li l-Att dwar iċ-Ċittadinanza jobbliga lill-Ministru jippubblika l-ismijiet u mhux li jaħbihom. L-Att dwar iċ-Ċittadinanza ma jagħtix id-dritt lill-Ministru li jagħmel regolamenti sabiex ma jiġux ippubblikati l-ismijiet ta’ persuni li hu jidhirlu li m’għandhomx ikunu pubbliċi. Għalhekk qal li r-regolamenti li għamel il-Ministru jiksru dak li jipprovdi l-Att dwar iċ-Ċittadinanza.

L-Oppożizzjoni qalet li qed tesiġi li l-Ministru Byron Camilleri u s-Segretarju Parlamentari Alex Muscat josservaw u jimxu b’mod rigoruż ma’ dak li jipprovdi l-Att dwar iċ-Ċittadinanza u jippubblikaw l-ismijiet tal-persuni kollha li jkunu għamlu applikazzjoni biex isiru ċittadini Maltin jew li jkunu ġew ipprivati miċ-ċittadinanza Maltija.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com