Is-Sibt Li Ġej Jaslu f’Malta L-Ewwel 10,000 Vaċċin Kontra l-Covid-19 – Il-Ħadd tingħata l-Ewwel Tilqima

 Is-Sibt Li Ġej Jaslu f’Malta L-Ewwel 10,000 Vaċċin Kontra l-Covid-19 – Il-Ħadd tingħata l-Ewwel Tilqima

Id-deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li s-Sibt li ġej se jaslu f’Malta l-ewwel 10,000 vaċċin kontra l-Covid-19, bl-ewwel tilqima se tingħata lill-ewwel Malti l-għada l-Ħadd fl-Isptar Mater Dei.

F’konferenza tal-aħbarijiet ftit wara li l-Aġenzija tal-Mediċini Ewropea, l-EMA, approvat il-vaċċin tal-kumpanija Pfizer / BioNTech, Dr Fearn qal li fis-sigħat li ġejjin il-Kummissjoni Ewropea mistennija tagħti wkoll l-awtorizzazzjoni tagħha biex dan il-vaċċin ikun jista’ jibda jingħata fil-pajjiżi Ewropew, fosthom Malta.

Id-deputat Prim Ministru fisser bħala kisba importanti ħafna għal Malta li tkun minn tal-ewwel li jkollha l-vaċċin tal-Covid-19.

Kien hawn li ħabbar li huwa s-Sibt li ġej, il-kumpanija Pfizer twassal f’Malta l-ewwel konsenja ta’ 10,000 vaċċin f’Malta u mbagħad eluf oħra jaslu t-Tnejn 28 ta’ Diċembru. Qal li kull nhar ta’ Tnejn pajjiżna se jibda jirċievi konsenja tal-vaċċin tal-Pfizer sakemm jaslu f’Malta 500,000 vaċċin.

Ma’ dawn ukoll se jaslu 100,000 vaċċin tal-kumpanija Moderna li se jiġi awtorizzat fil-jiem li ġejjin, miljun vaċċin ieħor tal-kumpanija Astra Zeneca u mijiet ta’ eluf minn kumpaniji oħra li qed jiżviluppaw il-vaċċin tagħhom.

Id-deputat Prim Ministru żied iħabbar li l-Ħadd li ġej, nurse fl-Isptar Mater Dei se tingħata l-ewwel tilqima. Wara t-tilqima se tingħata lill-istaff tal-ITU, l-Emerġenz u l-istaff kollu li qed jieħdu ħsieb pazjenti tal-IDU.

Fit-28 ta’ Dicembru, it-tilqima se tingħata lil dawk li jaħdmu fil-kura primarja u fl-iswabbing centres. Fid-29 tax-xahar se jitlaqqam l-istaff fl-isptar Ġenerali ta’ Għawdex waqt li l-għada, 30 ta’ Diċembru, se jitlaqqam l-istaff tal-Isptar Monte Carmeli, l-Isptar Boffa, is-Sammaritan it-Tajjeb u St Thomas.

Id-deputat Prim Ministru żied iħabbar li bejn l-1 u s-6 ta’ Jannar se jibdew jitlaqqmu l-pazjenti ta’ San Vinċenz de Paul.
Huwa żied jgħid li fl-1 ta’ Jananr ukoll se joħorġu l-ittri biex jitlaqqmu t-tobba u dawk kollha li jaħdmu fis-settur tas-saħħa fil-komunità.

Fis-7 ta’ Jannar se jintbagħatu l-ewwel ittri lill-pazjenti ta’ ’l fuq minn 85 sena, li fiha se jkollhom id-data, il-ħin u l-post li fih iridu jieħdu ż-żewġ d-dożi tat-tilqima.#

Huwa ħabbar ukoll li l-Gvern waqqaf helpline 145 li fuq in-nies jistgħu jistaqsu domandi li jista’ jkollhom dwar il-vaċċin. Waqt li ħeġġeġ lill-pubbliku biex jilqgħu l-istedina li se ssirilhom biex jitlaqqmu, il-Ministru ħeġġeġ lil dawk li se jiddeċiedu li ma jieħduhiex, biex iċemplu fuq dan in-numru biex id-doża tagħhom tingħata lill-ħaddieħor. Huwa żied jgħid li dan il-vaċċin se jingħata mingħajr ebda ħlas u t-tilqima mhux se tkun mandatorja.

Il-Ministru Fearne temm jgħid li l-vaċċin se jagħmel differenza fil-ħajja tagħna.

Dwar il-varjant tal-covid-19 li ġej mir-Renju Unit, qal li Malta waqqfet l-ivvjaġġar mill-Ingilterra b’mod temporanju. Qal li jidher li dan il-varjant ma jidhirx li jagħmel iktar ħsara mill-Covid-19, iżda jittieħed b’mod aktar faċli. Jidher ukoll li l-vaċċin jaħdem ukoll fuq dan il-varjant.

Huwa appella lill-poplu kollu biex fi żmien li ġej, jibqa’ responsabbli u b’hekk nagħtu l-ikbar rigal għal xulxin.

“Kuntent ħafna li llum bdejna t-triq biex saħħitna, l-ekonomija, il-ħajja soċjali tagħna jieħdu r-ruħ, u għalhemm nibqgħu nżommu l-parir tal-awtoritjiet tas-saħħa biex Malta kollha terġa tieħu r-ruħ”, temm jgħid id-deputat Prim Ministru.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com