Kont Taf Li X-Xena Tan-Nattività Fiha L-‘Henna Body Art’?

 Kont Taf Li X-Xena Tan-Nattività Fiha L-‘Henna Body Art’?

Iddeċidejna li nitkellmu mal-artista Lisa M Kaehler li ħadet ħsieb toħloq il-presepju artistiku fuq panelli fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta u skoprejna l-ideat warajh…

Min hi Lisa M Kaehler?
Lisa M Kaehler hija artista Maltija li minħabba sitwazzjonijiet diffiċli fil-ħajja, ma setgħetx tkompli l-istudju ta’ età żgħira, għalhekk il-ħolma li jkollha karriera bħala artista kellha tiġi posposta. Illum il-ġurnata, Lisa wettqet ix-xewqa tagħha u speċjalizzat fl-arti diġitali, fejn qiegħda tagħmel animations, graphic design, kif ukoll illustrations diġitali. Barra minn dan kollu, Lisa tħobb ħafna l-annimali u l-ambjent. Parti kbira mid-deċiżjonijiet ta’ ħajjitha jittieħdu fuq din il-bażi, sew jekk fuq ikel jew xiri ta’ prodotti, kif ukoll stil ta’ ħajja.

Kif nibtet l-idea tal-presepju fil-Belt Valletta?
Il-Valletta Cultural Agency ħarġet sejħa għall-artisti biex japplikaw għal dan il-proġett u mis-sottomissjonijiet li rċevew, ġejt magħżula jien. L-idea tal-presepju nbdiet billi ħarist lejn tradizzjonijiet lokali fejn jitqiegħdu pasturi fil-presepju u fassalt il-karattri fuqhom. Bħala ispirazzjoni, ħarist lejn stampi Orjentali, sabiex niddisinja l-ambjent ta’ madwar il-figuri; dan jidher l-aktar fis-silhouette tal-bini, kif ukoll il-window panels li jinkwadra x-xena. Minħabba li d-disinn kellu jinqasam f’5 pannelli, din l-istruttura tagħtni l-opportunità biex nirrakkonta l-istorja tal-Milied. L-istil huwa dak ta’ kartolina biex inqajjem atmosfera ferrieħija u biex ukoll tintgħoġob mit-tfal. Għadni niftakar li meta kont tfal jiena, ma’ kinux jogħġbuni l-kartolini tal-Milied b’arti realistika – illum napprezzahom daqs id-deheb, imma meta tkun tfal, disinn ‘sempliċi’ u kuluri vivaci jappellaw iktar. Fi ftit kliem, l-idea nbniet fuq bażi ta’ tradizzjoni lokali, inspirazzjonijiet mill-post fejn twieled Ġesù, bl-intenzjoni li l-prodott finali jolqot il-gosti tal-udjenza żgħira wkoll.

Kemm ħadlek ħin u x’fih uniku?
Jiena nzertajt persuna perfezzjonista, allura dħalt ħafna fid-dettall fejn jidħol daqs, uniformi ta’ linji u ‘overlapping objects’. Mill-ġenerazzjoni tal-idea sa meta spiċċajt, domt xi xahar u nofs, bejn wieħed u ieħor. Fl-aħħar ftit, anka ljieli mqajjma kelli nagħmel sabiex inlesti fil-ħin!

Xi haga li nikkonsidra speċjali u unika għalija, hija li peress li jiena kont noffri servizz tal-henna body art lil bosta klijenti, rajtha tagħmel sens li ninkludi il-pattern tal-henna għal żewġ raġunijiet: 1) fil-post fejn twieled Ġesù, il-henna hija ċerimonja tradizzjonali; 2) xtaqt inħalli marka tiegħi personali fuq id-disinn li tant qiegħed ghal qalbi. Min jafni se jinduna li kelli x’naqsam jien mal-proġett, għax dak it-tip ta’ pattern huwa l-flow tiegħi. Fl-istess ħin, l-effett tal-pattern li sar ‘freehand’ għen biex jibbilanċja l-bold lines tad-disinn.

Prosit lilek Lisa għall-għajn artistika tiegħek u l-passjoni li titfa’ fi proġetti bħal dawn!

Ritratti: Darren Agius

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com