L-Imħallef Lofaro Tgħid Li Saret Taf Li Żewġha Kien Involut f’Bejgħ Ta’ Propjetà Lil Fenech Is-Sibt Li Għadda

 L-Imħallef Lofaro Tgħid Li Saret Taf Li Żewġha Kien Involut f’Bejgħ Ta’ Propjetà Lil Fenech Is-Sibt Li Għadda

Il-familja ta’ Daphne Caruana Galizia u ż-żewġ imħallfin irtirati li qed imexxu l-inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista, taw l-appoġġ tagħhom lill-Imħallef Abigail Lofora li l-Ħadd ġie żvelat li żewġha jinsab involut f’bejgħ ta’ proprjetà lis-suspettat mandant fil-qtil tal-istess Caruana Galizia, Yorgen Fenech.

F’digriet li qrat fil-qorti t-Tnejn filgħodu, l-Imħallef Lofaro qalet li saret taf biss bil-każ s-Sibt li għadda meta żewġha, l-Avukat Pierre Lofaro, rċieva mistoqsijiet dwar dan il-każ mill-ġurnal Malta Today. L-Imħallef Lofaro qalet li ma tarax raġuni għaliex għandha tirrikuża ruħha mill-inkjesta pubblika.

Id-deputati Nazzjonalisti Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi li qed jidhru għall-familja ta’ Caruana Galizia, flimkien mal-Imħallfin Emeriti Michael Mallia u Joseph Said Pullicino ddikjaraw il-fiduċja sħiħa tagħhom fl-imħallef Lofaro.

Id-digriet tal-Imħallef Lofaro segwa rapporti fil-midja fejn allegaw lis-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar wasslet għal kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà fl-Imdina ma’ Fenech.

L-istess gazzetti żiedu jallegaw li Cutajar tħallset €46,500 f’commission għas-sehem li allegatament tat biex inbiegħet il-proprjetà. Dan fi żmien meta Cutajar ma kinitx tokkupa ebda rwol fil-Kabinett.

Cutajar saħqet li hija dejjem aġixxiet b’mod korrett u ppubblikat ittra li turi li hija m’għandha x’taqsam xejn mal-kwistjoni li żviluppat bejn il-partijiet involuti fil-każ.

L-Avukat Pierre Lofaro, ir-raġel tal-Imħallef Lofaro huwa direttur f’kumpanija li kienet qed tipprova tbigħ il-proprjetà fl-Imdina lil Yorgen Fenech. Huwa qal li rriżenja minn direttur f’Jannar li għadda, ġimgħat wara li Fenech ġie arrestat mill-Pulizija u akkużatu li kien is-suspettat mandant fil-qtil ta’ DCG. Madankollu r-raġel tal-Imħallef Lofaro, baqa’ jirrappreżenta legalment lil din il-kumpanija għal diversi xhur.

L-Imħallef Lofaro qalet li r-rapporti dwar il-bejgħ tal-proprjetà ma kinux materja li għandhom iwassluha biex tirrikuża lilha nnifisha mill-inkjesta, qalet li ma riedet titfa’ ebda dubju fuq l-inkjesta jew ix-xogħol tagħhom. Qalet li jekk hemm bżonn hija lesta li tirriżenja mill-inkjesta, iżda qalet ukoll lesta tibqa’ sservi fuq il-bord jekk l-istat u l-familja ta’ Caruana Galizia jiddikjaraw li għandhom fiduċja fl-imparzjalità, l-indipendenza u l-integrità tagħha.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com