Lura F’Soddtha Wara 12-Il Jum “Terribbli” Li Damet Mitlufa
Wara tnax-il jum ta’ qtigħ il-qalb, sid ta’ kelba rrakkonta b’emozzjoni kbira l-mument li fih reġa’ ngħaqdet mal-familja tiegħu.
“Kienu 12-il jum tal-biża’ li matulhom kelli ċ-ċkejkna tiegħi mitlufa… sigħat twal li matulha ħassejna sew in-nuqqas tagħha, iżda rnexxielna nsibuha”, kiteb Raffaele Pace.
Huwa esprima r-ringrazzjament tiegħu għall-qlub tajba li għenuh isib lil Shiba. “Verament rajt in-naħa t-tajba tal-umanità matul dawn l-aħħar jiem. Apprezzajt dak kollu li għamiltu mal-kelba tiegħi”, qal Pace.
Huwa ta ħajr ukoll lill-persuna li ċemplet lis-sieħba tiegħu wara li rat filmat li tefgħet tal-kelba tiegħu qrib il-Victoria Lines. Żied li Shiba tinsab f’kundizzjoni ta’ saħħa tajba għalkemm tilfet xi ftit mill-piż u kellha bżonn xi mediċini. U issa li bdiet tiekol u tixrob, ma setax jonqos li għaddiet il-lejl mistkenna fis-sodda tagħha.
Raffaele qal li dan il-Milied ma kienx se jkun wieħed bħall-oħrajn li kieku Shiba baqgħet mitlufa. Huwa tenna rringrazzjament tiegħu għall-“qlub tajba” li għenuh biex isib il-kelba li bir-raġun hija l-aqwa ħabib li jista’ qatt jikollu l-bniedem f’din id-dinja fejn kif kienu jgħidu missirijietna – ħabib fis-suq aħjar minn mitt skud fis-senduq!