Malta’s Got Talent: Simpatija Jew Talent?
Il-bieraħ filgħaxija TVM xandar il-finali tal-ewwel edizjoni ta’ Malta’s Got Talent program li esebixxa ħafna talent moħbi li nsibu f’pajjiżna.
Ir-rebbieħa tal-ewwel edizzjoni huma Jomike u Lydon, il-missier u l-iben li bil-makkjetti tagħhom irnexxielhom jisirqu l-qlub ta’ bosta Maltin u Għawdxin.
Il-finali tal-bieraħ kienet imżewqa b’talent liema bħalu, b’żeffiena, kantanti u akrobatiċi li lkoll esebixxew il-kwalitajiet tagħhom. Fost dawn kien hemm ukoll Joseph Mangion magħruf bħala l-Kapxi li tul dawn l-aħħar xhur kiseb popolarita’ kbira bil-ħoss li kapaċi jimita tal-murtali tradizzjonali Maltin.
Kienu bosta dawk li fuq il-midja soċjali kritikaw għażliet simili għal dik tal-Kapxi jew tar-rebbieħa infushom, li fl-opinjoni ta’ xi wħud online dawn kisbu riżultati sbieħ għaliex serqu s-simpatija u mhux għax it-talent tagħhom jisboq fuq tal-oħrajn.
“Bejn tradizzjoni u talent hemm baħar jaqasam” wieħed mill-kummenti, kummenti ieħor “Irreduċejna l-Malta’s Got Talent fl-Għanafest tal-Argotti”.
Iżda oħrajn urew l-għadab tagħhom għal din il-kritika u qasmu d-difiża tagħhom lejn l-għażla tal-poplu Maltin.
StradaRjali.com huwa infurmat li minkejja li s’issa għadhom mhux pubbliċi, Jomike u Lydon kisbu ammont sostanzjali ta’ voti mill-pubbliku, li huwa ferm aktar minn ta’ kompetituri oħra.
Din jaf tkun opportunita’ sabiex l-għana terġa tikseb ftit tal-popolarita’ wara li fl-aħħar snin tilfet bil-bosta l-interess fost il-Maltin u l-Għawdxin.
Int x’taħseb? Simpatija jew talent? Il-ħoss mużikali Malti għandu jingħata aktar ġiħ u attenzjoni?