Mill-Ġimgħa Ma Jistgħux Jidħlu Aktar F’Malta Basktijiet, Pożati, Straws U Kontenituri Tal-Plastik

 Mill-Ġimgħa Ma Jistgħux Jidħlu Aktar F’Malta Basktijiet, Pożati, Straws U Kontenituri Tal-Plastik

L-importazzjoni ta’ prodott tal-plastik li jintuża darba biss se tkun ipprojbita minn nhar il-Ġimgħa l-1 ta’ Jannar 2021 wara li ntemm perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika. Iktar tard illum se jiġu ppubblikati l-avviżi legali biex din il-projbizzjoni tidħol fis-seħħ.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia li spjega li Malta se tkun fost l-ewwel pajjiżi li se tkun qed twaqqaf l-importazzjoni ta’ numru ta’ prodotti magħmulin minn plastik li jintuża darba biss.

Din se tapplika għall-basktijiet tal-plastik, pożati, straws, platti, cotton buds, kontenituri tal-ikel, u ħawwada tax-xorb.

Il-Ministru Farrugia qal li din il-miżura qed tidħol fis-seħħ skont il-pjan imħabbar minnu fix-xhur li għaddew.

“Wasal iż-żmien li nagħtu t-tweġibiet lit-tfal tagħna billi nieħdu azzjoni għall-iskart fuq il-bajjiet tagħna, għall-gawwi mejjet fuq ix-xtajtiet kaġun ta’ plastik li jkun kiel, għal fkieren tal-baħar maqbudin f’basktijiet tal-plastik.

Se nkomplu bil-ħidma tagħna biex innaqqsu t-tniġġiż, inniedu l-istrateġija tagħna għat-tibdil fil-klima, intejbu l-kwalita tal-ħajja, l-ekosistema, il-bijodiversita, b’iktar miżuri, azzjonijiet, u riżultati tanġibbli.

Is-sena 2021 se tkun waħda ta’ tranżizzjoni għal pajjiżna fejn fl-2022, il-projbizzjoni fuq plastik li jintuża darba jitwaqqaf milli jinbiegħ fis-swieq tagħna. Qed nagħmlu dan b’determinazzjoni hekk kif il-familji jridu li l-ambjent jitla’ fil-quċċata tal-aġenda tal-Gvern hekk kif bdejna ħerġin mil-pandemija. Madankollu qed nagħmlu dan bi trasparenza biex nagħtu ċertezza lill-industrija.”

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com