Min Se Jkun Qed Jitlaqqam L-Ewwel F’Malta?
F’Malta, l-istaff tal-isptar se jkunu l-ewwel persuni li se jkunu qed jiġu mlaqqma kontra l-virus Sars-CoV-2, li huwa l-virus li jikkawża l-Covid-19. Dawn se jibdew jiġu mlaqqma fl-aħħar ta’ dan ix-xahar. Imbagħad ftit tal-jiem wara, mar-raba’ jum, se jibdew jiġu mlaqqma l-ħaddiema u r-residenti fi djar tal-anzjani.
Prof Charmaine Gauci spjegat kif dawn kollha mhux se jkunu qed jieħdu l-vaċċin fl-istess waqt sabiex f’każ li jkun hemm xi effetti sekondarji s-sistema tkun tista’ tibqa’ għaddejja.
Dan ifisser li l-ħaddiema f’kull dipartiment tal-isptar se jiġu mlaqqma fi gruppi żgħar u f’dati spazjati, biex b’hekk jekk ikun hemm il-bżonn li xi ħaddiema jibqgħu d-dar wara li jieħdu l-vaċċin id-dipartiment ikun jista’ jibqa’ jopera.
Dan japplika wkoll fil-każ tal-anzjani. L-anzjani mhux se jiġu mlaqqma kollha f’salt, ħalli f’każ ta’ effetti sekondarji s-sistema tkun tiflaħ tassisti lill-anzjani li jiġu bżonn.