Mis-Sena D-Dieħla L-Pulizija Se Jibdew Jużaw Il-Body Cameras

 Mis-Sena D-Dieħla L-Pulizija Se Jibdew Jużaw Il-Body Cameras

Mis-sena d-dieħla, l-uffiċjali tal-Pulizija se jibdew jagħmlu użu mill-body cameras wara investiment ta’ kważi miljun ewro.

L-użu tal-bodycams se jkun qiegħed isaħħaħ il-protezzjoni personali tal-uffiċjali tal-pulizija kif ukoll il-protezzjoni tan-nies li l-Pulizija tiġi f’kuntatt magħhom waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. Bosta uffiċjali tal-pulizija qalu li l-aħħar allegazzjoni li saret fil-konfront tal-pulizija minn omm li allegat li kellha l-binha msawwat mill-pulizija għax ma kienx liebes maskla setgħet tiġi mxejna aktar malajar li kieku l-pulizija involuti fil-każ kienu lebsin bodycam.

Il-każ ġie investiagt minn uffiċjali f’taqsima fi ħdan il-korp tal-pulizija li tistħarreġ allegazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ imġiba xierqa mill-pulizija. F’dan il-każ l-omm flimkien ma’ binha qegħdin jiġu investigati mill-pulizija wara li għamlu rapport falz. Fil-fatt kienet l-omm infisha li spiċċat titlob apoloġija lill-pulizija wara li rriżulta li l-allegazzjoni tagħha kienet waħda fiergħa.

Rapporti fil-midja qalu li l-kumpanija Motorola Solutions Germany GmbH ingaħtat kuntratt ta’ €942,000 biex mis-sena d-dieħla tforni lill-korp tal-pulizija b’madwar 500 bodycam u tagħmir ieħor relatat ma’ din l-għodda importanti fix-xogħol tal-pulizija.

Kelliem għall-Pulizija kkonferma li bħalissa qegħdin jistennew il-wasla tat-tagħmir wara li sar dak kollu meħtieġ, inkluż it-taħriġ fl-użu ta’ din l-għodda biex ladarba jasal, ikun jista’ jibda jintuża bla telf ta’ żmien.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com