Mixlija Li Beżżgħet Lil Ommha Għax Ma Ħaslitilhiex Ħwejjiġha

 Mixlija Li Beżżgħet Lil Ommha Għax Ma Ħaslitilhiex Ħwejjiġha

Tfajla ta’ 17-il sena minn Bormla ġiet mixlija li jumejn ilu beżżgħet lil ommha, li ffastidjatha u li pprovokatha.

It-tfajla, li isimha ma jistax jixxandar għax hija minuri, ġiet mixlija wkoll li kisret ordni ta’ probation u l-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja mogħtijin f’każi separati.

Fil-qorti ngħad li din ma kinitx l-ewwel darba li l-omm irrappurtat lil bintha fuq allegazzjonijiet ta’ vjolenza domestika.

Fil-fatt l-aħħar argument seħħ għax it-tfajla bdiet tilmenta li ommha qed iddum wisq biex taħslilha l-ħwejjeġ ħalli jkollha x’tilbes biex toħroġ ma’ sħabha.

Il-Maġistrat Ian Farrugia wissa lit-tfajla biex ma tkomplix tilgħab man-nar għax se tispiċċa l-ħabs.

Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest b’għadd ta’ kundizzjonijiet fosthom li t-tfajla ma tibqax tgħix għand ommha u ma tersaqx lejn Bormla.

Il-Qorti ordnat depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €2,500.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com