Regolamenti Biex Titnaqqas Il-Ħsara Kkawżata Lill-Ambjent Minn Siti Tal-Kostruzzjoni

 Regolamenti Biex Titnaqqas Il-Ħsara Kkawżata Lill-Ambjent Minn Siti Tal-Kostruzzjoni

L-Aġenzija tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) hija inkarigata biex tiżgura l-konformità u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni sussidjarja li tillimita d-degradazzjoni ambjentali. Ir-Regolamenti dwar l-Immaniġjar Ambjentali tas-Siti tal-Kostruzzjoni ġew imfassla biex inaqqsu l-ħsara kkawżata lill-ambjent, permezz ta’ prattiċi xierqa fis-settur tal-kostruzzjoni. Din il-leġiżlazzjoni tistipula diversi rekwiżiti li s-siti tal-kostruzzjoni għandhom jimxu magħhom, sabiex jillimitaw l-impatt tagħhom fuq iż-żoni tal-madwar. Dawn jinkludu: rimi xieraq tal-iskart, tnaqqis tat-tniġġis, is-sigurtà u tnaqqis t’inkonvenjenza għall-pubbliku.

It-tielet skeda (III) tal-leġiżlazzjoni tispeċifika kif il-kostruzzjoni m’għandhiex tniġġes l-ambjent bl-ebda mod. It-tniġġis mill-istorbju huwa kwistjoni fil-pajjiż; l-aktar dak li jiġi mit-traffiku u mis-siti tal-kostruzzjoni. Dawn ir-regolamenti jiddikjaraw li l-ħinijiet tax-xogħol permissibbli huma mis-7am sat-8pm. Dan japplika għall-kostruzzjoni li tiġġenera storbju li jista’ jinstema’ minn barra l-konfini tas-sit. Barra minn hekk, l-użu ta’ martell pnewmatiku għandu jieqaf bejn is-2pm u l-4pm. Is-sit mhu suġġett għall-ebda waħda minn dawn il-limitazzjonijiet meta x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jaqbżu distanza ta’ 1km mill-eqreb spazju abitabbli.

Dawn ir-regolamenti jistipulaw diversi rekwiżiti għall-immaniġġjar tal-iskart. Dawn jinkludu t-trasport ta’ materjali tal-bini mwaqqa’, li għandhom jinżammu f’kontenituri riġidi u ssiġillati waqt li jkunu qegħdin jinħattu jew jigu mgħobbijja. Meta dan jostakola l-aċċess pubbliku tul il-faċċata tas-sit, il-kuntrattur għandu jkun awtorizzat mill-kunsill lokali.

Barra minn hekk, għandhom jittieħdu miżuri adegwati biex jiġi żgurat li s-sit u l-viċinanzi tiegħu jinżammu nodfa. It-tindif ta’ kwalunkwe materjal u skart għandu jkun rutina, u jsir malajr u b’mod effettiv. Ir-rimi ta’ skart bħal dan m’għandux jikkawża ħsara jew jinxtered f’żoni pubbliċi jew propjetà ta’ partijiet terzi. Dan għandu jsir ukoll bl-użu ta’ reċipjenti li huma kompletament magħluqin jew permezz ta’ skips miftuħa li jkunu mgħottija b’materjal li jipprevjeni t-tixrid ta’ trab. Barra minn hekk, l-iskart kollu għandu jintrema permezz ta’ waste chute. Dan għandu jitneħħa mill-viċinanza immedjata tas-sit kuljum u jintrema b’mod xieraq, sakemm il-Maniġer tas-Sit ma jipprovdix raġuni valida biex jiġġustifika estensjoni ta’ dan il-perjodu. Per eżempju, meta jsir xkatlar, l-emissjonijiet tat-trab għandhom jiġu kkontrollati billi t-tagħmir mekkaniku kollu jkun mgħammar b’sistemi li jiġbru t-trab.

Permezz ta’ dawn ir-regolamenti, il-BCA tillimita d-degradazzjoni ambjentali billi tinforza miżuri li għandhom jittieħdu meta jinħoloq kwalunkwe materjal li jista’ jkun ta’ periklu għall-ambjent jew għall-pubbliku. Huwa essenzjali li dawn il-materjali jinħażnu u jiġu iżolati biex tiġi evitata l-kontaminazzjoni tas-sit u ż-żoni tal-madwar. Dan huwa t’ importanza kbira, speċjalment minħabba l-possibilta ta’ kontaminazzjoni tal-ilma ħelu, minħabba li skart perikoluż jista’ jinħall fl-ilma tax-xita. Is-surface run off jista’ wkoll iniġġes u jagħmel ħsara lill-ambjent tal-madwar, billi jikkontamina t-toroq, issodd il-katusi tal-ilma u jittrasporta l-iskart lejn il-baħar. B’hekk, sabiex dan jiġi evitat, is-sidien huma obbligati li jarmaw is-sit b’sumps u pompi, li jiġbru kwalunkwe ilma mormi ġewwa s-sit, u jevitaw kontaminazzjoni għaż-żoni tal-madwar. F’każijiet bħal dawn, fejn materjal perikoluż jinżamm fuq il-post, sinjal ta’ twissija ta’ daqs A4 li jindika dan, għandu jintwera fuq il-konfini tat-triq, ħdejn in-notice board jew il-billboard, kif definit fl-Iskeda I.

L-aġenzija tinforza dawn ir-regolamenti billi timponi multi lill-individwi li jiksru xi waħda mid-dispożizzjonijiet ta’ din il-leġislazzjoni. Dawn jiddependu fuq l-iskeda u jistgħu saħansitra jwasslu għal waqfien tax-xogħolijiet u proċeduri kriminali. Barra minn hekk, skont l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent, proporzjon tal-fondi miġbura minn dawn il-kontravvenzjonijiet għandhom jitqiegħdu fil-Fond għall-Ambjent. Permezz ta’dan il-qafas regolatorju, il-BCA għandha l-għan li trawwem settur tal-kostruzzjoni li jiffavorixxi l-ambjent u s-sostenibbilità.

Għal aktar informazzjoni dwar dawn ir-regolamenti, tista iżżur: http://www.bca.com.mt

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com