Regolamenti Li Jnaqqsu L-Inkonvenjenza Lill-Ġirien

 Regolamenti Li Jnaqqsu L-Inkonvenjenza Lill-Ġirien

L-Aġenzija tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA), permezz tal-leġislazzjoni xierqa, tippromwovi prattiċi t’ immaniġġjar tal-kostruzzjoni li jillimitaw id-degradazzjoni ambjentali. Wieħed mill-għanijiet ta’ dawn ir-regolamenti huwa li tiġi kkawżata l-inqas inkonvenjenza possibbli lill-ġirien. Id-disposizzjonijiet li jaqgħu taħt l-Iskedi I, II, III u IV għandhom ikunu osservati minn kull min jagħmel xogħlijiet ta’ kostruzzjoni matul il-proċess kollu ta’ żvilupp.

L-ewwelnett, individwi li jwettqu xogħol ta’ kostruzzjoni li jkun se jdum aktar minn erba’ ġimgħat biex jitlesta, għandhom iwaħħlu notice board permanenti ta’ daqs A2 fuq il-konfini tat-triq tas-sit. Dan għandu jiġi ppreżentat tliet ġimgħat qabel jibdew ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni. Barra minn hekk, in-notice board għandu jkun imweħħel fuq il-faċċata tas-sit, sabiex ikun viżibbli mill-pubbliku f’kull ħin. Id-dettalji fuq in-notice board iridu jkunu jistgħu jinqraw mil-livell tat-triq, bid-daqs minimu tal-font ikun 100. Id-data ta’ meta jibdew ix-xogħolijiet u numru tat-telefown iridu wkoll jintwerew hawnhekk. Barra min hekk, iridu jintwerew ukoll in-numru tal-permess għall-iżvilupp u informazzjoni dwar is-sid, is-Site Manager u l-Perit inkarigat. Il-kuntratturi kollha involuti għandhom jinkludu n-numri tat-telefown tagħhom. Huwa kruċjali li dawn l-avviżi dejjem jinżammu f’kundizzjoni tajba, billi jkunu protetti mit-temp biex tiġi evitata kwalunkwe ħsara. Dawn għandhom jinżammu sakemm ix-xogħlijiet kollha jitlestew jew sal-ħin meqjus xieraq mill-BCA.

Fi kwalunkwe każ fejn is-sit tal-kostruzzjoni huwa akbar minn 1,000 metru kwadru, jew għandu faċċata li tmiss ma’ kwalunkwe triq / toroq ta’ aktar minn 26 metru, din l-informazzjoni għandha tintwera fuq billboard tad-daqs: 1.5m by 2.5m. Dan għandu jinkludi d-dati ta’ meta l-istadji prinċipali tal-proġett ser ikunu lesti, kif ukoll, id-dati tat-tlestija tal-istadji kollha tal-proġett li għaddej. Wieħed għandu dejjem jiżgura li dawn il-billboards ma jikkompromettux is-sigurtà tal-pubbliku. Barra minn hekk, kopja tal-permess ta’ żvilupp flimkien ma’ kopji tal-pjanti u l-elevazzjonijiet kollha, kif approvati, għandhom jinżammu fuq il-post. Dawn għandhom ikunu disponibbli f’kull ħin għall-ispezzjoni u l-użu mill-Uffiċjali tal-Infurzar biex jiżguraw li x-xogħlijiet huma konformi mal-permessi rispettivi tagħhom.

Membri tal-pubbliku jistgħu jikkuntattjaw lill-BCA biex jippreżentaw ilment, billi jużaw l-informazzjoni mill-bord tal-avviżi fuq il-post. Dan jista’ jsir kull meta wieħed iħoss li l-kuntrattur ma rrispettax ir-regolamenti kollha li huma fis-seħħ biex inaqqsu l-inkonvenjent lill-ġirien. Dan jista’ jkun il-każ meta, pereżempju, ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jkomplu wara l-ħinijiet tax-xogħol permissibbli.

Barra minn hekk, il-BCA tiżgura wkoll li jittieħdu miżuri adegwati sabiex is-sit u l-viċinanzi immedjata tiegħu jinżammu nodfa. Kull tip ta’ skart għandu jinżamm fuq il-post u jintrema f’reċipjenti magħluqa, sabiex dan ma jinġarrx mir-riħ u x-xita lejn żoni pubbliċi; b’hekk, nipprevjenu kwalunkwe ħsara lill-ambjent.

Il-kostruzzjoni m’għandhiex toħloq skart relatat ma’ tindif, żebgħa, żejt, u skart ieħor perikoluż li jista’ jinfirex f’żoni pubbliċi jew fis-sistema tad-drenaġġ. Fil-każ li jseħħ xi tixrid, wieħed irid jiżgura li dan jitneħħa immedjatament u li jiknes jew jaħsel it-toroq kif xieraq. Barra minn hekk, il-wash-out pits tal-mixers tal-konkrit jew tat-tikħil u chemical holding areas għandhom jinżammu ‘l bogħod minn żoni tad- drenaġġ, sistemi tal-ilma jew proprjetà ta’ partijiet terzi.

Il-BCA għandha l-kompitu li tenforza dawn il-miżuri ta’ kuljum biex tipproteġi u tħares lill-pubbliku minn kwalunkwe inkonvenjenza li dawn il-postijiet ta’ kostruzzjoni jistgħu jikkawżaw.Għal aktar informazzjoni dwar dawn ir-regolamenti tal-bini, tista’ żżur: http://www.bca.org.mt.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com