Taħditiet Għal Impjieg Alternattiv Għall-Ħaddiema Li Tilfu Xogħolhom ma’ NetEnt

 Taħditiet Għal Impjieg Alternattiv Għall-Ħaddiema Li Tilfu Xogħolhom ma’ NetEnt

Il-Ministeru għall-Ekonomija u l-Investiment qal li għaddejja ħidma biex jinstab impjieg alternattiv għall-ħaddiema li tilfu l-impjieg tagħhom minn mal-kumpanija tal-logħob NetEnt wara li ġiet akkwistat mill-kumpanija Evolution Gaming.

Waqt li nnota l-investiment u l-impenn qawwi li sar minn Evolution Gaming, il-Ministeru qal li r-ristrutturar organizzattiv li sar wassal għall-għeluq ta’ xi linji ta’ negozju f’Malta u pajjiżi oħra.

Il-Ministeru żied jgħid li beda minnufih diskussjonijiet mal-entitajiet relevanti biex jiffaċilità t-tranżizzjoni bla xkiel ta’ impjegati li jinsabu f’riskju li jkollhom l-impjieg tagħhom itterminat b’riżultat ta’ dan ir-ristrutturar.

Qal li l-impjegati milquta jistgħu jirreġistraw għall-impjieg alternattiv fuq il-portal ta’ JobsPlus u twaqqfet ukoll linja telefonika ta’ għajnuna ddedikata fuq 22201251 biex tassisti lill-ħaddiema milquta.

Żied jingħad li saru wkoll arranġamenti biex JobsPlus toffri servizz apposta ta’ appoġġ biex ikun identifikat xogħol alternattiv lill-persuni affettwati.

Il-Ministeru żied jgħid li l-uffiċjali ta’ JobsPlus huma f’kuntatt mat-tmexxija tal-kumpanija biex jikkordinaw dan is-servizz direttament.

Il-Fondazzjoni Gaming Malta bħalissa tinsab ukoll f’diskussjonijiet ma’ operaturi oħra tal-logħob li għandhom opportunitajiet ta’ xogħol vakanti għall-persuni affettwati.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com