“Telfa Li Ġrat B’Kapriċċ Ta’ Ħaddieħor” – Carmel Pace
Illum, it-2 ta’ Diċembru, jaħbat 9 xhur mit-traġedja li ħasdet il-ħajja ta’ Miriam Pace waqt li kien qed isir xogħol ta’ kostruzzjoni biswiet id-dar tagħha u ta’ żewġha fil-Ħamrun.
Carmel Pace, ir-raġel ta’ Miriam, kiteb messaġġ imqanqal fuq Facebook fejn qal li l-familja kollha ta’ kuljum tixtieq li din hija biss ħolma kerha.
Intant, huwa wera d-diżappunt u l-weġgħa tiegħu meta qal li t-telfa li ġarbu huma “ġrat b’kapriċċ ta’ ħaddieħor. Ħaddieħor li jsarraf kollox fi flus inkluż il ħajja u s-serenità ta’ familja sħiħa”.
Pace temm il-messaġġ tiegħu billi qal li din il-ġrajja intesiet ukoll għax effettivament ma affettwatx il-ħajja ta’ dawk li għadhom jistgħu jgħanqu lill-għeżież tagħhom, filwaqt li qal li hu u uliedu jistgħu jħaddnu biss il-memorji tal-passat u r-ritratti tal-għażiża tagħhom.