Trasport Pubbliku B’Xejn Bejn Il-Port Il-Kbir U Marsamxett
Tnieda servizz ġdid ta’ trasport pubbliku b’xejn li se jgħaqqad il-post fejn torbot il-lanċa fil-Port il-Kbir, fil-moll Ta’ Lascaris, ma’ dak tas-sit l-ieħor tat-tluq tal-lanċa fi Triq id-Dgħajsa f’Marsamxett lejn Tas-Sliema.
Is-servizz tnieda mill-Ministru Ian Borg qal fejn stqarr li għall-ewwel darba se tkun tista’ tivjaġġa mit-tlett ibliet sa Tas-Sliema f’inqas ħin mis-soltu u b’mezz ta’ trasport alternattiv u aktar nadif.
Huwa ppjanat li s-servizz jingħata bl-użu ta’ karozza tal-linja elettrika li tinġieb Malta fix-xhur li ġejjin. Madanakollu sakemm din tasal Malta, minflok se jintuża xarabank.
Is-servizz se jkun qed jimmira li jilħaq bosta għanijiet fosthom li jiżgura trasport marittimu affidabbli, li jitħaddem fuq skeda ta’ ħin fiss, li jkun offrut bi prezz regolat u b’livell ta’ servizz immirat sabiex jistimula aktar użu u żieda fil-popolarità tiegħu.
Is-servizz se jkun kull nofsiegħa sinkronizzat mal-wasla tal-lanċa.
Bħala ħinijiet, il-lanċa se tkun qed topera bejn is-06:45 u d-19:00 mit-Tnejn sas-Sibt u bejn id-08:55 sas-18:10 fil-Ħdud u fil-festi.
Is-servizz ta’ karozza tal-linja b’xejn se jkun miftuħ għal dawk kollha li jagħmlu użu mis-servizz tal-lanċa u għal dawn se jkun ukoll mingħajr ħlas.
Rigward rotta, il-karozza tal-linja se tkun għaddejja minn Triq San Mark, Old Bakery Street, Triq San Bastjan, St Elmo Place, Triq il-Mediterran, Xatt il-Barriera, u Xatt Lascaris. Il-vjaġġ minn Lascaris għal Marsamxett se jkun mill-Għolja tal-Kurċifiss, il-War Memorial u ’l isfel minn Triq l-Assedju l-Kbir.