Valletta FC Mistennija Jaħtru Kowċ Ġdid F’Jannar
Aktar ma jmur aktar qed tikber il-possibbilità li Valletta FC jaħtru kowċ ġdid. Fit-tmiem il-ġimgħa li għaddiet, il-Viċi President tal-stess Valletta FC Alexander Fenech żvela waqt il-program sportiv L-Argument, li huma intervistaw xejn anqas minn tmien kowċis sabiex xi ħadd minnhom jieħu post Jesmond Zerafa li rreżenja mill-kariga wara t-telfa kontra Tarxien Rainbows.
Il-kowċis kollha intervisti huma barranin u fil-lista hemm l-ex kowċ tal-istess Valletta FC it-Taljan Giovanni Tedesco. Minn informazzjoni li għandha din il-paġna, mhux kull membru tal-kumitat ta’ Valletta FC qabel mar-ritorn ta’ Tedesco u l-possibilitajiet li dan jirritorna fit-tmun Belti huma ftit.
Għall-partita kontra Floriana FC u Mosta FC, kien Gilbert Agius li mexxa lit-tim Belti u jidher li hekk ser jkompli jagħmel għaż-żewġ partiti li ġejjin qabel il-waqfa minħabba l-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena. Valletta FC għadhom ġejjin minn telfa kontra Floriana FC u draw kontra Mosta FC bl-impenji li jmiss qabel il-waqfa huma kontra Żejtun Corinthians FC u Lija Athletic FC rispettivament.
Il-kumitat Belti mistenni li jkompli jaħdem sabiex fil-jiem li ġejjin tiġi ridotta l-lista tal-kowċis intervistati sabiex possibilment minn Jannar li ġej Valletta FC jkollhom kowċ ġdid. Nifhmu li kowċ ġdid jista jġib miegħu tibdil fl-skwadra eżistenti u possibilment plejers li ilhom jilagħbu bil-flokk Belti ma jibqgħux jagħmlu dan fil-ġimgħat li ġejjin.
Ritratt: Vallettafc.net