Valletta, Luxol, Swieqi u Ta’ Xbiex Bit-Tieni Rebħa Tal-Kampjonat

 Valletta, Luxol, Swieqi u Ta’ Xbiex Bit-Tieni Rebħa Tal-Kampjonat

Hekk kif intlagħbet it-tieni ġurnata tal-kampjonat tal-futsal Swieqi United, Ta’ Xbiex, Luxol u Valletta kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva meta rebħu kontra l-avversarji rispettivi tagħhom.

Luxol ixxalaw meta għelbu lil Universita’ ta’ Malta 9-1. Għat-tim minn St Andrews spikkaw Mark Zammit, Marwan Telisi u Everton li kienu awturi ta’ doppjetta kull wieħed. Leanderson, Raducu u awtogowl għaqqdu d-disgħa għat-tim tagħhom. Min-naħa tagħhom, l-Universita’ kienu ġabu d-dro momentarju minn Alexander Ellul.

Swieqi United kisbu l-akbar rebħa tal-ġurnata meta għelbu lil Qormi 12-2. Il-plejer Kolombjan Eduardo Garcia u Michael Borg skorjaw hat-trick kull wieħed, Robert Stoyanov u Karl Sciortino wettqu doppjetta filwaqt li Dylan Pace u awtogowl għamluhom tuzzana għal Swieqi. Qormi naqqsu d-distakk permezz ta’ doppjetta ta’ George Chircop.

Valletta għelbu mingħajr problemi lil Żurrieq 7-1. Nicola del Re, Claudio Venuto u George Frendo kienu f’vena mill-aqwa hekk kif skorjaw żewġ gowls bi Zvezdan Vukovic iżid ieħor għat-tim mill-kapitali. Tyron Borg skorja l-uniku gowl għaż-Żrieraq.

Ta’ Xbiex Futsal ikkonfermaw li se jkunu fost l-isfidanti għall-postijiet għolja tal-klassifika meta għelbu lil Ibraġġ 5-1. Għat-tim minn Ta’ Xbiex ma kinitx biċċa xogħol faċli jinfdu d-difiża organizzata tal-Ibraġġ hekk kif sal-ewwel taqsima l-iskor kien 1-1. Jurgen Ciantar poġġa lill-Ibraġġ fil-vantaġġ iżda wara l-gowl tad-dro ta’ Ryan Mifsud, Ta’ Xbiex ma ħarsux lura u fit-tieni taqsima żiedu erba’ gowls oħra permezz ta’ Glenn Bonello, Dexter O’Brien u doppjetta ta’ Stefi Cale.

Marsaskala kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun wara logħba kumbattuta kontra Naxxar Lions. Minkejja li Naxxar fetħu l-iskor wara ftit sekondi, Marsaskala baqgħu kalmi u dawru l-iskor favurihom grazzi għad-doppjetta ta’ Josef Balzan, Alessio Restuccia u Igor Pantelic. Iż-żagħżugħ Josef Azzopardi kien fost l-iskorers għal Naxxar.

Sadanittant għadd ta’ Deputati u Sindki ngħaqdu ma’ plejers u uffiċjali tal-FMA sabiex jilagħbu logħba futsal u jinġabru fondi b’risq l-Istrina liema attività saret taħt il-patroċinju ta’ mart il-President tar-Repubblika, is-Sinjura Miriam Vella.

Ritratt: Joe Borg

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com