Xlukkajr Ta’ 24 Sena Arrestat Wara Li Nqabad B’60 Pakkett Bil-Kokaina
L-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra d-Droga kompliet bil-ħidma tagħha kontra t-traffikar tad-droga hekk kif fl-aħħar sigħat, arrestat raġel ta’ 24 sena residenti Marsaxlokk wara li nqabad fil-pussess ta’ ammont ta’ droga kokaina.
Huwa ġie arrestat tard ilbieraħ bil-lejl wara diversi jiem ta’ osservazzjoni. F’operazzjoni li saret, il-pulizija ċċirkondat lir-raġel waqt li kien qiegħed isuq fi Triq it-Trunċiera, Marsaxlokk.
Minn tfittxija li saret fil-vettura nstabu madwar 60 pakkett żgħir bid-droga kokaina, 2 pakketti żgħar bid-droga kannabis, lesti biex jinbiegħu u ammont ta’ flus kontanti.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Caroline Farrugia Frendo LL.D ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.
Ir-raġel qiegħed jinżamm arrestat fil-Kwartieri Ġeneral tal-Pulizija, il-Floriana, u mistenni jitressaq il-Qorti taħt arrest għada b’akkużi relatati mat-traffikar tad-droga, fost oħrajn.
L-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.