Alfred Zammit Jaħfer Lill-Allegat Żagħżugħ Li Qabbadlu L-Karozza

 Alfred Zammit Jaħfer Lill-Allegat Żagħżugħ Li Qabbadlu L-Karozza

Is-Sindku tal-Belt Valletta Alfred Zammit qal li kien qed jaħfer liż-żagħżugħ li allegatament qabbadlu l-karozza f’Settembru li għadda. Huwa qal li jaf liż-żagħżugħ sa minn ċkunitu.

Zammit kien qed jixhed fi proċeduri kriminali li l-Pulizija ħadet kontra Brently Pace, żagħżugħ ta’ 21 sena li jaħdem f’ħanut. Pace wieġed mhux ħati l-akkużi kontrih fosthom li qabbad erba’ karozzi fuq perjodu ta’ ħames xhur, bl-aħħar waħda tkun il-ħruq tal-karozza ta’ Zammit.

“Ilni naf lil Brentley mindu kien żgħir. Naf lill-ġenituri u lin-nanniet tiegħu. Naf li għandu familja tajba u niftakru fit-toroq tal-Belt. Nafu sew,” qal Alfred Zammit.

Huwa rrakkonta li dakinhar tal-inċident, huwa kien se jmur lura d-dar għall-ħabta tal-11.00 p.m. wara li pparkja l-karozza f’post riservat fil-car park li hemm fiż-żona ta’ Hastings.

Qal li meta kien fis-sodda waslitlu telefonata li għarrfitu dwar nar qrib id-dar tiegħu. Qal li meta ttawwal mill-gallarija ra ħuġġieġa kbira u minnufih ċempel l-għassa tal-Belt u talabhom iċemplu lill-pumpiera.

Irrakkonta li malli ħareġ barra, ra l-karozza vampa nar u tinqered għalkollox waqt li sostna li dan l-inċident kien sorpriża għalih.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com