Ann Fenech Ma Taqbilx Li L-Passiġġieri Jibqgħu Fil-Karozza Tul Il-Vjaġġ Bejn Malta U Għawdex
L-ex President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Ann Fenech qalet li l-Gvern għandu jirrikonsidra d-deċiżjoni li jħeġġeġ lill-passiġġieri biex jibqgħu fil-karozza tul il-vjaġġ bejn Malta u Għawdex.
Ann Fenech, deskritta mill-gazzetta The Times bħala esperta ewlenija fil-liġi marittima f’pajjiżna qalet li din id-deċiżjoni tmur kontra l-ispirtu tal-liġi internazzjonali. Qalet li din hija perikoluża u għandha tintuża biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali.
Ftit snin ilu, l-ex uffiċjal tal-Partit Nazzjonalista kienet spiċċat fiċ-ċentru ta’ kontroversja wara li fuq Europe Magazine qalet li f’Marsaxlokk hemm bomba lesta biex tisplodi. Dan b’referenza għall-proġett tal-powerstation tal-gass.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li tul il-weekend tal-Karnival, il-Gvern qed iħeġġeġ lill-passiġġieri jibqgħu fil-karozza tul il-vjaġġ bħala miżura kontra l-Covid-19.
Iżda mat-Times Ann Fenech qalet li l-Gvern għandu jesplora mezzi alternattivi qabel ma tiġi kkonsidrata eċċezzjoni għar-regoli internazzjonali.
Madankollu jirriżulta li l-Gozo Channel diġà kisbet il-permess għal din il-miżura temporanja.
Iċ-Chairman tal-Gozo Channel Joe Cordina qal li f’April tas-sena li għaddiet, huwa kien diġà kkonsulta mal-Harbour Master dwar l-introduzzjoni ta’ din il-miżura temporanja.
Qal li l-Kaptan David Bugeja kkonferma li f’ċirkostanzi eċċezzjonali bħal dawk li qegħdin ngħixu f’pandemija, din il-miżura ta’ prekawzjoni hija fl-interess pubbliku biex tnaqqas it-tixrid tal-Covid-19.
Qal li din tieqaf ladarba s-sitwazzjoni tiġi lura għan-normali. Żied jgħid li din il-konferma ġiet komunikata lill-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet ta’ Għawdew f’Mejju tas-sena li għaddiet fil-preżenza tad-deputati Għawdxin.