ARA: Ir-Restoranti Jridu Jagħlqu Fil-11.00 PM Fost Miżuri Oħra Restrittivi

 ARA: Ir-Restoranti Jridu Jagħlqu Fil-11.00 PM Fost Miżuri Oħra Restrittivi

F’konferenza tal-aħbarijiet fil-berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar sensiela ta’ miżuri bil-għan li tkompli tiġi kkontrollata l-imxija tal-Covid-19 f’Malta.

Dr Abela ħabbar li l-attivitajiet tal-massa tal-Karnival mhumiex se jsiru u li tul ix-xahar kollu ta’ Frar, ir-restaurants f’Malta u Għawdex jridu jagħlqu fil-11.00pm. Qal li dawn iridu jifthu mhux qabel is-sitta ta’ filgħodu.

Ħabbar ukoll li l-projbizzjoni tal-ftuħ tal-bars u l-każini se tiġġedded sal-aħħar ta’ Frar waqt li l-isnack bars u kiosks se jibqghu bir-restrizzjonijiet preżenti sal-aħħar ta’ Frar.

Il-Prim Ministrru ħabbar ukoll għadd ta’ miżuri biex jiġi kkontrollat it-tixrid tal-virus fil-jiem tal-karnival u qal li bejn il-11 u s-17 ta’ Frar qabel ma’ passiġġieri jitla’ fuq il-vapur ta’ Għawdex se tittieħidlu t-temperatura.

Fl-istess waqt min se jitla’ bil-vettura fuq il-vapur se jintalab li jibqa fiha matul il-vjaġġ.

Tħabbar ukoll li l-vapuri se jibqghu jaħdmu b’nofs il-volum ta’ passiġġiera b’sinjal ċar li filwaqt li Għawdex mhuwiex magħluq, mhijiex l-istess atmosfera ta’ snin oħra meta Għawdex kien ikun mimli bl-eluf li jitilghu għall-attivitajiet tal-karnival.

Il-Prim Ministru żied jgħid li fl-istess perjodu se jkun hemm impenn ċar li l-awtoritajiet tal-infurzar, fosthom il-pulizija, se jagħmlu rondi addizzjonali fir-Rabat, in-Nadur, Marsalforn u x-Xlendi. Fl-istess waqt qal li Transport Malta u l-LESA se jżidu rondi speċjali fl-irħula l-oħra biex jassiguraw l-osservanza tar-regoli kollha marbuta mal-Covid-19.

Żied li l-MTA ħa tagħmel spezzjonijiet spissi biex tiżgura li postijiet ta’ akkomodazzjoni qed joperaw fil-parametri tal-liċenzja, partikolarment dwar il-kwantità ta’ nies migbura fihom. Dan ifisser li mhux se jkun permess li jkun hemm aktar nies minn sodod liċenzjati f’kull post, kemm f’Malta u f’Għawdex.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com