Argument Fi Stabbiliment Tal-Ikel Bejn Madwar 50 Persuna

Mas-sbieħ tal-Ewwel jum tas-sena 2021, għall-ħabta tas-siegħa, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq Gort, San Ġiljan.
Il-Pulizija tad-Distrett flimkien mal-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit (RIU) marru minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li kien qam argument fi stabbiliment tal-ikel bejn grupp ta’ madwar 50 persuna u kien hemm tliet persuni feruti bi bżonn ta’ assistenza medika.
Għalhekk issejħu fuq il-post l-ambulanzi u ħadu lill-persuni feruti – Libjan ta’ 34 sena, Libjan ta’ 33 sena u Irlandiża ta’ 36 sena – l-Isptar Mater Dei. Il-kundizzjoni medika tagħhom għadha pendenti.
Peress li fuq il-post kien hemm madwar 50 ruħ, il-Pulizija bdiet iżomm in-nies kollha sabiex jiġi stabbilit minn kien involt f’dan l-argument, fejn intuża ukoll taser.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija sabiex ikunu stabbiliti aktar dettalji b’rabta mal-każ għadhom għaddejjin.
Ritratt: ONE NEWS