Bernard Grech Jilmenta Mal-Awtorità Tax-Xandir Dwar Il-Mistoqsijiet Li Sarulu Waqt Insights

 Bernard Grech Jilmenta Mal-Awtorità Tax-Xandir Dwar Il-Mistoqsijiet Li Sarulu Waqt Insights

Il-Partit Nazzjonalsita ilmenta mal-Awtorità tax-Xandir dwar id-domandi li sarulu tul il-programm ta’ ġrajjiet kurrenti Insights fut TVM u akkużat lill-ġurnalist b’nuqqas ta’ imparzjalita’ u żbilanċ fil-programm.

L-Ilment iffirmat mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech qal l-mistoqsijiet u l-aġir tal-preżentatur fil-programm kienu mnebbħa u bbażati fuq in-narrativa politika partiġġjana tal-Gvern u l-Partit Laburista.

Zammit Dimech qal li l-PN jqis li l-istazzjon nazzjonali mexa b’mod diskriminatorju u bi preġudizzju kontra l-Kap tal-Oppożizzjoni. Dan skont hu joħroġ ċar meta wieħed iqabbel l-intervista li saret lil Dr Bernard Grech ma’ dik li saret lill-Prim Ministru Robert Abela fl-edizzjoni tal-istess programm li xxandret il-Ġimgħa 15 ta’ Jannar.

Il-PN qal li huwa ċar ukoll li bil-mod kif saru l-intervisti, l-istazzjon nazzjonali kiser l-obbligu li jippreżenta suġġetti għad-diskussjoni b’mod oġġettiv u li l-preżentatur jipprovdi informazzjoni preċiża. Il-PN akkuża lill-preżentatur li silet stejjer partiġġjani u fattwalment skorretti mxandra mill-midja tal-Partit Laburista, għamilhom fatt u staqsa dwarhom daqslikieku dawn kienu fatti.

Il-PN temm jgħid li l-Oppożizzjoni m’għandha l-ebda diffikultà li l-ġurnalisti jistaqsu inkluż mistoqsijiet diffiċli, imma qal li huwa ċar li l-preżentatur mexa b’ingwanta tal-ħarir meta intervista lill-Prim Ministru u b’ponn tal-ħadid mal-Kap tal-Oppożizzjoni.

Għalhekk qal li TVM ħoloq sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ imparzjalita’ u żbilanċ kontra l-Partit Nazzjonalista.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com