BOV Premier – Illejla “Test’ Delikat għal Ħamrun ma’ Santa Lucia.. Rebħa għal Aston Villa fil-PL
Ritratt – Domenic Aquilina
MD17 tal-Kampjonat BOV Premier tiġi fi tmiemha l-Ħadd bl-aħħar zewġ logħbiet, hekk kif fis-2pm Mosta jiltaqgħu kontra Birkirkara, punt biss jifred lil dawn iz-zewġ naħat, fis-6pm test delikat għal-leaders Ħamrun Spartans kontra t-tim fil-forma Santa Lucia.
Il-Mostin ġejjin minn telfa 3-1 kontra Ħamrun Spartans li kienet l-ewwel waħda f’10 partiti filwaqt li Birkirkara ġejjin minn draw 0-0 kontra Sta Lucia.
Aktar minn hekk l-Istripes jimmiraw li jpattu għad-diżappunt tat-telfa tal-ewwel round kontra l-istess Mostin bl-iskor ta’ 3-0.
Il-leaders Ħamrun Spartans jaffrontaw lil Santa Lucia.
Bil-forma li bħalissa għaddejjin minnha l-iSpartans jidher li ħadd ma jista’ jwaqqafhom, iżda huma se jiffaċċjaw team li qed jippreżenta lilu nnifsu bħala “rivelazzjoni” u meta jkun fil-ġurnata tiegħu kapaċi jirbaħ lil kulħadd.
Elkin Serrano Valero jirritorna minn sospensjoni għall-leaders li iżda se jkollhom nieqes għax sospiż lill-midfielder Serb Predrag Djordevic, il-Ġappuniż Rei Tachikawa sospiż għal Santa Lucia.
Fl-ewwel round il-Ħamruniżi ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 4-1.
Premier League Ingliz
Rebħa komda għal Aston Villa li f’darhom is-Sibt filgħaxija għelbu lil Newcastle United bl-iskor ta’ 2-0.
Zewġ goals fl-ewwel taqsima għal Villa skurjati minn Ollie Watkins fit-13-il minuta u Bertrand Traore ftit qabel il-mistrieħ.
Il-Premier League issa jkompli f’nofs il-ġimgħa d-dieħla, l-Ħadd ħames partiti mir-Raba’ Rawnd tal-FA Cup fosthom dwell ieħor ġimgħa wara li ltaqgħu fil-Kampjonat bejn ir-rivali Manchester United u Liverpool li din id-darba jiltaqgħu f’Old Trafford wara li l-Ħadd li għadda fil-Kampjonat lagħbu bejniethom draw fqir ta’ 0-0 f’Anfield.
Serie A, Milan tilfu f’darhom ma’ Atalanta 3-0, Inter mizmuma 0-0 għand Udinese, dan kollu jfisser li Juventus jistgħu u mistennija japprofittaw u jnaqqsu d-distakk mil-quċċata tal-klassifika jekk kif mistenni jegħlbu f’darhom lil Bologna, logħba kmieni li tibda fin-nofs siegħa.