BOV Premier MD17 sħiħa bi 8 partiti Ħamrun logħba delikata.. jirritornaw Valletta
RITRATT – Domenic Aquilina
Full compliment ta’ logħbiet mill-Kampjonat BOV Premier fi tmiem il-ġimgħa għall-ewwel darba fl-2021 wara li xi timijiet li kienu fi kwarantina se jirritornaw fl-azzjoni.
Valletta ilhom ma’ jilgħabu mit-18 ta’ Diċembru li għadda – 5 ġimgħat, jiltaqgħu ma’ Balzan il-ġimgħa fid-9pm fil-grawnd taċ-Ċentinarju.
Il-Lilywhites se jinżlu għal din il-partita taħt ir-responsabbiltá tal-kowċ il-ġdid, il-Portugiż Antonio José Cardoso Mendes.
Barra minn hekk, mistenni jiddebutta wkoll il-midfielder Taljan, David Paglia. Peró se jkollhom nieqes lis-sospiż, Joseph Zerafa.
Min-naħa tagħhom, Balzan se jkollhom il-players kollha għad-dispożizzjoni.
Il-leaders Ħamrun Spartans jilgħabu l-Ħadd fis-6pm kontra Santa Lucia.
Bil-forma li bħalissa għaddejjin minnha l-iSpartans jidher li ħadd ma jista’ jwaqqafhom, iżda huma se jiffaċċjaw team li qed jippreżenta lilu nnifsu bħala “rivelazzjoni” u meta jkun fil-ġurnata tiegħu kapaċi jirbaħ lil kulħadd.
Elkin Serrano Valero jirritorna minn sospensjoni għall-leaders li iżda se jkollhom nieqes għax sospiż lill-midfielder Serb Predrag Djordevic, il-Ġappuniż Rei Tachikawa sospiż għal Santa Lucia.
Fl-ewwel round il-Ħamruniżi ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 4-1.
Logħba oħra mistennija hija s-Sibt fis-sagħtejn bejn Floriana u Hibernians.
Filwaqt li ċ-champions renjanti għandhom bżonn il-punti fit-tentattiv li jsalvaw posthom fl-ogħla diviżjoni, Hibernians jimmiraw għal rebħa biex jibqgħu minn fost l-isfidanti ewlenin għar-rebħ tat-titlu.
Il-Pawlisti jistgħu jagħmlu użu minn Tiago Adan Fonseca li ħadu mingħand l-istess Floriana li ilhom dawn tal-aħħar sitt logħbiet mingħajr rebħa.
Ukoll is-Sibt fis-2pm dwell bejn żewġ timijiet oħra li bħal Valletta ħerġin minn kwarantina – għal Lija u Gudja United dan ukoll se jkun l-ewwel impenn tas-sena 2021.
Lija għandhom tliet players sospiżi li huma, Gianluca Zammit, Leon Muscat u Neil Micallef filwaqt li neqsin ukoll minħabba sospensjoni għal Gudja nsibu lil Aidan Friggieri u Patrick Silva Mota.
Fl-ewwel round, Gudja kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-0.
Id-dwell bejn Mosta u Birkirkara, l-Ħadd fis-2pm fl-Istadium Nazzjonali jlaqqa żewġ timijiet punt biss jifridhom fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika.
Il-Mostin ġejjin minn telfa 3-1 kontra Ħamrun Spartans li kienet l-ewwel waħda f’10 partiti filwaqt li Birkirkara ġejjin minn draw 0-0 kontra Sta Lucia.
Aktar minn hekk l-Istripes jimmiraw li jpattu għad-diżappunt tat-telfa tal-ewwel round kontra l-istess Mostin bl-iskor ta’ 3-0.
Logħbiet oħra – Tarxien R. v Gżira – (Il-Ġimgħa – Centenary Stadium – 5.00 pm)
Sliema W. v Sirens – (Is-Sibt – National Stadium – 6.00 pm)
Żejtun C. v Senglea A. – (Is-Sibt – Hibernians Stadium – 6.00 pm)