BOV Premier MD18 mill-lejla.. jispikka l-Ħadd Gżira United kontra Valletta
ritratt – Domenic Aquilina
PREVIEW – MD 18
Gżira U. v Valletta – (Il-Ħadd – National Stadium – 2.00 pm)
L-aktar partita attraenti ta’ tmiem il-ġimgħa fejn tlaqqa’ lil Gzira United u Valletta, biż-żewġ timijiet ma jistgħux iċedu pulzier.
Dan minħabba li filwaqt il-Maroons iridu jibqgħu f’kuntatt maż-żewġ timijiet ta’ qabilhom, il-Lilywhites iridu jiġbru l-punti biex jidħlu fiż-żona tal-kompetizzjoni tal-UEFA Europa League … għax fil-veritá huma maqtugħin mit-taqtiegħa għar-rebħ tat-titlu.
Il-Gżirjani jimmiraw li jiksbu r-raba’ rebħa nfila għat-tieni darba f’dan l-istaġun u l-Beltin jimmiraw li jirriorganizzaw biex jirritornaw għar-rebħ.
Huma jistgħu jkunu mingħajr Jean Borg u Enmy Pena Beltre li sofrew injury fit-telfa f’nofs il-ġimgħa kontra Ħamrun Spartans. Min-naħa ta’ Gzira, m’għandhomx problemi ta’ players neqsin.
Valletta jimmiraw li jpattu għat-telfa ta’ 3-1 fl-ewwel round.
Balzan v Mosta – (Il-Ġimgħa – Centenary Stadium – 5.00pm)
Il-partita li tiftaħ MD18 għandha tkun waħda mill-aktar interessanti fejn Mosta, li jinsabu fis-sitt post tal-klassifika, jaffrontaw lil Balzan, li jinsabu fir-raba’ post mill-aħħar, jiġifieri, fiż-żona tar-relegazzjoni.
Għaldaqstant, il-pressjoni se tkun kollha fuq il-Balzanin għax xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom. Min-naħa tagħhom, Mosta jimmiraw għal rebħa biex ikomplu jserrħu rashom minn kull inkwiet.
Il-Balzanin se jkunu mingħajr pedina importanti, Steve Pisani, għax sospiż, bil-Mostin ikunu msaħħa bir-ritorn ta’ Matias Muchardi minn sospensjoni.
Fil-konfront dirett tal-ewwel round, iż-żewġ timijiet temmew fi draw ta’ 3-3.
Santa Lucia v Sliema W. – (Il-Ġimgħa – Centenary Stadium – 9.00pm)
Din il-logħba għandha tkun miftuħa għal kull riżultat fejn Santa Lucia jimmiraw għat-tliet punti biex jilħqu lill-istess Sliema Wanderers fil-ħames post tal-klassifika.
Peró, il-Wanderers bħalissa għaddejjin minn kriżi amministrattiva hekk kif matul dawn l-aħħar jiem ġew sottomessi diversi riżenji. Aktar minn hekk, il-klabb qed jiffaċċja projbizzjoni minħabba nuqqas ta’ ħlas lill-players.
Milli jidher l-inkwiet beda mal-bidu tas-sena hekk kif dan irrifletta fit-tliet telfiet konsekuttivi li sofrew matul dan ix-xahar. Għaldaqstant wieħed irid jara kif se jirrispondu l-players f’din il-partita.
Min-naħa tal-Luċjani, dawn ġejjin minn erba’ draws, bl-aħħar wieħed ikun dak kontra Hamrun Spartans (2-2) wara li kienu qed igawdu vantaġġ ta’ żewġ goals. Barra minn hekk, iridu jpattu għat-telfa ta’ 3-1 tal-ewwel round.
Il-Wanderers għandhom lil Ruslan Kisil sospiż filwaqt li Rei Tachikawa jirritorna għal Sta Lucia minn sospensjoni.
Sirens v Floriana – (Is-Sibt – Stadium Nazzjonali – 2.00pm)
Dan huwa konfront li ż-żewġ timijiet iridu bilfors jirbħu minħabba li jinsabu fl-inkwiet tar-relegazzjoni, b’Sirens jinsabu tliet punti fuq Floriana.
Bla dubju, dawn tal-aħħar għaddejjin minn kriżi kbira meta issa ilhom ma jirbħu għal dawn l-aħħar tmien partiti … bl-aħħar waħda tmur lura għas-6 ta’ Diċembru, meta għelbu lil Valletta (3-0). Is-sitwazzjoni tagħhom hija verament allarmanti bil-biżgħa li jistgħu jitilfu l-profil tagħhom fl-ogħla diviżjoni.
Sirens jinżlu aktar trankwilli hekk kif ġejjin minn rebħa 3-1 fuq Sliema Wanderers u rebħa oħra tiswa mitqlu deheb hekk kif tbiegħdhom miż-żona l-ħamra u tħalli lil Floriana f’inkwiet kbir, Greens se jkollhom tliet players sospiżi – Alexander Cini, Nicola Leone u Matias Garcia.
Fl-ewwel round, Floriana kienu rebħu bl-iskor ta’ 3-2.
Hibernians v Tarxien R. – (Is-Sibt – Hibernians Stadium – 2.00pm)
Din il-partita tlaqqa’ liż-żewġ ġirien ta’ Hibernians u Tarxien Rainbows, bil-pożizzjonijiet tal-klassifika jkunu ferm differenti.
Filwaqt li l-Pawlisti jinsabu fit-tieni post, it-Tarxiniżi jinsabu fit-tielet post mill-aħħar. Peró, żgur li se jqumu għall-okkażjoni li minbarra jinsabu fil-bżonn tal-punti, jimmiraw li jagħtu telfa lil Hibernians … bl-aħħar waħda tmur lura għat-23 ta’ Novemrbru, 2013, bl-iskor ta’ 1-0.
Iżda r-Rainbows se jiffaċċjaw ostaklu diffiċli li ġej minn rebħa ta’ 4-1 fuq Gudja United filwaqt li huwa ġejjin minn telfa ta’ 2-0 kontra Gzira United.
Barra minn hekk għandhom liż-żewġ players, Darren Falzon u Edison Zarate, sospiżi … b’Hibernians ma jistgħux jagħmlu użu minn Leandro Almeida għall-istess raġuni.
Fl-ewwel round Hibernians rebħu l-konfront dirett 1-0.
Senglea A. v Ħamrun S. – (Is-Sibt – National Stadium – 6.00pm)
Il-leaders Hamrun Spartans jibdew favoriti netti li jiksbu t-tliet punti meta jaffrontaw lit-team ta’ qiegħ il-klassifika, Senglea Athletic, li għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa.
L-Ispartans ġejjin minn rebħa impressjonanti meta warrbu għal kollox l-isfida ta’ Valletta bl-iskor ta’ 3-0, biż-żewġ players l-aktar li qed jimpressjonaw ikunu Jorge Ailton Soares (Cape Verde) u Franklin Sasere (Niġerja) b’dan tal-aħħar kien l-awtur ta’ hat-trick kontra l-Beltin.
Filwaqt li l-coach, Mark Buttigieg, jiskonta t-tieni sospensjoni, l-Ispartans għandhom ukoll lil Matthew Guillaumier sospiż iżda jirritorna Emerson Marcelina.
Għas-Sengleani, Luis Riascos u Andre Scicluna, huma eliġibbli wara sospensjoni ta’ partita.
Fl-ewwel round Hamrun ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-0.
Gudja U. v Żejtun C. – (Is-Sibt – Hibernians Stadium – 6.00pm)
Dan huwa konfront bejn żewġ ġirien li huwa miftuħ għal kull riżultat.
Filwaqt li Gudja United jinsabu fit-tmien post, Zejtun Corinthians jinsabu tliet pożizzjonijiet warajhom b’distakk ta’ tliet punti. Għaldaqstant rebħa għaż-Żwieten tarahom jilqħu lill-istess Gudjani fil-klassifika.
Dawn tal-aħħar iridu jirriorganizzaw lilhom infushom hekk kif ġejjin minn telfa ta’ 4-1 kontra Hibernians. Min-naħa l-oħra, il-Corinthians jinżlu b’moral għoli wara r-rebħa ta’ 3-1 fuq Senglea Athletic.
Zejtun se jkun mingħajr is-sospiż Lucas Moreira.
Fir-round preċedenti, Gudja għelbu lil Zejtun 1-0.
Birkirkara v Lija A. – (Il-Ħadd – National Stadium – 6.00pm)
Din il-partita hija waħda delikata għal Birkirkara kontra team li wera determinazzjoni kbira fl-aħħar ħarġa tiegħu biex għeleb lil Floriana bl-iskor ta’ 1-0 … l-ewwel rebħa fuq il-Greens fl-istorja tal-kampjonat Malti.
L-Istripes ma jistgħux ifallu l-punti biex jibqgħu fl-isfidka għal post fil-UEFA Europa League filwaqt li Lija għandhom bżonn il-punti biex isalvaw posthom mal-kbar.
Iżda huma għandhom lil Juan Cruz Gill sospiż filwaqt li l-Karkariżi mistennija jinżlu bl-aħjar formazzjoni.
Fl-ewwel round iż-żewġ timijiet temmew fi draw ta’ mingħajr goals.