Deċiżjoni Importanti Twassal Biex L-Istudenti Tal-Inġinerija Tal-MCAST Jieħdu L-Warrant

 Deċiżjoni Importanti Twassal Biex L-Istudenti Tal-Inġinerija Tal-MCAST Jieħdu L-Warrant

Il-Bord tal-Inġinerija approva l-kors msejjaħ Pre-Warrant Qualification Course (PWQC) li permezz tiegħu l-inġiniera gradwati mill-MCAST jistgħu jaċċedu għall-warrant ta’ inġiniera taħt il-liġi Maltija wara li jkunu lestew b’suċċess il-kors speċifiku.

Fi stqarrija, il-Gvern qal li dan huwa pass importanti għall-MCAST hekk kif issa student li ggradwa mill-kors ta’ Baċellerat fl-Inġinerija jista’ japplika biex jieħu l-warrant biex jipprattika bħala inġinier professjonali bid-drittijiet kollha li tagħti l-liġi.

Dan huwa possibbli wara li l-aġenzija Ġermaniża ASIIN, magħrufa fis-settur għall-evalwazzjoni tal-istandards fl-istudju tal-inġinerija rrakkomandat lill-Bord tal-Inġiniera biex japprova dan il-kors tal-MCAST li għandu l-kontenut akkademiku sabiex iwassal biex student li jiggradwa minnu, ikun jista’ jasal għall-warrant ta’ inġinier.

B’dan il-pass, l-inġustizzja li sofrew l-istudenti li ilhom jiggradwaw sa mill-2013 finalment ġiet fi tmiemha wara proċess metikoluż ta’ evalwazzjoni wara ħidma li saret matul l-aħħar 4 snin u nofs.

Il-Ministri Ian Borg u Justyne Caruana qalu li dan il-pass qed jiftaħ beraħ l-opportunitajijiet għall-istudenti li jmorru l-MCAST sabiex jieħdu l-warrant ta’ inġiniera.

Wara din id-deċiżjoni, l-MCAST ħabbret li se tibda żewġ korsijiet tal-PWQC, wieħed għal inġinerija elettrika u ieħor għal inġinerija mekkanika. Għal dan l-għan l-MCAST se tiftaħ l-applikazzjonijiet għal dawn il-korsijiet b’mod immedjat u dawk kollha li għandhom il-Baċellerat fl-Inġinerija (BEng) mill-MCAST jistgħu japplikaw.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com