Emissjonijiet Ta’ Trab U Rimi Ta’ Materjal Ta’ Skart

 Emissjonijiet Ta’ Trab U Rimi Ta’ Materjal Ta’ Skart

L-Aġenzija tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) tiżgura li l-prattiċi xierqa tal-immaniġġjar tal-kostruzzjoni huma fis-seħħ biex inaqqsu l-inkonvenjent għall-ġirien, inaqqsu r-riskju ta’ korriment għall-pubbliku, jipproteġu l-proprjetà tal-istat u jevitaw li jagħmlu ħsara lill-ambjent.

Regolamenti infurzati mill-BCA jinkludu dawk relatati ma’ emissjonijiet ta’ trab minn siti ta’ kostruzzjoni. L-aġenzija għandha tiżgura li kull sit ta’ kostruzzjoni huwa konform mar-regolamenti li ġejjin u li l-ebda xogħol m’għandu jibda jekk dawn il-miżuri li jikkontrollaw l-emissjonijiet tat-trab ma jkunux imħarsa.

L-ewwelnett, għandhom jiġu stabbiliti proċessi u sistemi xierqa li jiżguraw li t-trab iġġenerat jinżamm fil-limiti tas-sit. Dawn jinkludu: l-applikazzjoni tal-ilma jew pre-soaking minn qabel, chemical dust stabilizers, jew kwalunkwe teknika oħra xierqa ta’ kontroll tat-trab. Tali tekniċi jużaw l-umdità fl-arja ambjentali biex iżommu l-art imxarrba, u b’hekk jipprevjenu t-trab milli jinġarr fl-arja u jinfirex barra l-konfini tas-sit tal-kostruzzjoni. Barra minn hekk, qabel ma jitilqu mis-sit, is-sidien għandhom ineħħu kwalunkwe tixrid li jirriżulta mill-kostruzzjoni minn toroq pubbliċi. Dan għandu jsir kuljum. Is-sid irid jiżgura wkoll li l-bankini u ż-żoni pubbliċi li jinsabu sa għaxar metri bogħod minn kull tarf tas-sit, inkluż il-bankini u toroq, jitnaddfu fl-aħħar tal-ġurnata. Ir-regolamenti jiddikjaraw li ċipep taż-żebgħa tas-sit tal-kostruzzjoni, residwu tax-xkatlar, frak u trab m’għandhomx jiġu f’kuntatt mas-surface runoff mil-ilma tax-xita . Dan jipprevjeni kwalunkwe ħsara li tista’ tkun ikkawżata lill-widien, il-pajsaġġ agrikolu u l-pubbliku.

Meta titwettaq kwalunkwe attività ta’ xkatlar, kemm jekk manwali jew mekkaniku, l-emissjonijiet tat-trab għandhom ikunu miżmuma billi t-tagħmir mekkaniku kollu jkun mgħammar b’sistemi ta’ estrazzjoni u rkupru tat-trab. Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe liġi oħra, iż-żoni kollha ta’ barra għandhom ikunu mgħottija totalment b’materjal li għandu jifforma barriera madwar iż-żona tax-xogħol. Dan għandu jipprevjeni l-emissjoni ta’ trab u kull tip ta’ materja fl-ambjent. Barra min hekk, qabel ma jibda x-xkatlar, l-aperturi esterni kollha fuq ġewwa għandhom ikunu mbarrati b’materjal impermeabbli li għandu jifforma barriera. Dan jipprevjeni l-emissjonijiet tat-trab milli joħorġu barra mis-sit.

Il-BCA tinforza wkoll regolamenti li jirrelataw mal-qtugħ ta’ ġebel u briks. Dan jista’ jkun permess fuq il-post, madankollu, il-makkinarju u l-għodda kollha mhux elenkati fl-Iskeda IX għandhom dejjem ikunu mgħammra b’sistemi ta’ estrazzjoni u rkupru tat-trab. Dan jiżgura li t-trab ma jinxteridx f’ żoni pubbliċi u proprjetà ta’ partijiet terzi. Barra minn hekk, waħda miż-żewġ dispożizzjonijiet li ġejjin għandha wkoll tkun imħarsa. L-ewwel waħda hija li meta jinbena l-iktar bejt baxx tal-istruttura, kull qtugħ mekkaniku tal-ġebel u l-briks għandu jseħħ fil-bini u l-aperturi esterni kollha għandhom ikunu mgħottija b’materjal impermeabbli. It-tieni dispożizzjoni hija li l-qtugħ tal-ġebel u l-briks isir fi struttura temporanja magħluqa u impermeabbli, mibnija fuq is-sit tal-kostruzzjoni, li tipprevjeni li kwalunkwe trab jgħaddi minnha.

Is-siti tal-kostruzzjoni għandhom isegwu r-regolamenti stabbiliti meta jarmu lis-skart, sabiex ma jagħmlux ħsara lill-ambjent. Dawn ir-regolamenti jittrattaw materjal perikoluż, li jirreferi għal kwalunkwe oġġett jew aġent (bijoloġiku, kimiku jew fiżiku) li jista’ jikkawża ħsara lill-bnedmin, l-annimali jew l-ambjent, kemm waħdu jew permezz ta’ interazzjoni ma’ fatturi oħra, kif definit fil- leġiżlazzjoni.

Is-sid tas-sit għandu jiżgura li d-dispożizzjonijiet li ġejjin jiġu osservati. L-ewwelnett, it-tneħħija u tindif ta’ materjal ta’ skart għandu jkun rutina, isir ta’ malajr u b’mod effettiv. Dan ma għandu jikkawża l-ebda tixrid jew ħsara f’żoni pubbliċi jew proprjetà ta’ partijiet terzi. Dan għandu wkoll isir permezz ta’ reċipjenti magħluqin kompletament jew bl-użu ta’ skips miftuħa li huma mgħottija sewwa bil-kanvas jew kwalunkwe materjal ieħor li jipprevjeni t-tixrid tat-trab u li l-iskart jiġi mmaniġġjat b’mod li ma jippermetti l-ebda tixrid tiegħu. Huwa wkoll vitali li dan l-iskart jiġi ggwidat għal xaft magħluq jew kanal li jikkonforma mat-tieni regolament deskritt fl-Iskeda II.

Barra minn hekk, il-materjal kollu tal-iskart irid jitneħħa mill-viċinanza immedjata tas-sit. Għandu jintrema kif xieraq, sakemm il-Maniġer tas-Sit ma jistax jipprovdi raġunijiet suffiċjenti lill-Aġenzija biex tiġġustifika estensjoni ta’ dan il-perjodu.

L-ambitu ta’ dawn ir-regolamenti huwa li jillimita d-degradazzjoni ambjentali billi jiżgura żvilupp sostenibbli li jżomm kwalità għolja ta’ ħajja għall-pubbliku ġenerali. Għal aktar informazzjoni dwar regolamenti bħal dawn, jekk jogħġbok żur www.bca.com.mt.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com