Film Dwar Il-Mewt Solitarja: L-Attur Prinċipali Miet Waħdu F’Mater Dei Xahar Wara

 Film Dwar Il-Mewt Solitarja: L-Attur Prinċipali Miet Waħdu F’Mater Dei Xahar Wara

Film Malti bl-isem ta’ 5am, li ġie maħdum waqt il-pandemija, qed jikseb suċċessi fuq livell globali. Fost l-oħrajn għadu kemm rebaħ it-titlu tal-aqwa script fil-Hollywood International Golden Age Festival.

L-istorja ta’ dan il-film iddur mas-solitudni u l-mewt solitarja. Il-produtriċi ta’ ‘Ferrante Films’ Graziella Ferrante qaltilna li “s-solitudni tal-anzjani tagħna hija riżultat tar-regħba, l-egoiżmu, l-mard u affarijiet oħrajn” u li l-għan tal-film huwa li joħroġ din l-istampa.

Graziella esprimiet li permezz tal-istorja riedu joħolqu kuxjenza dwar dawk il-persuni li qed ibatu u jmutu waħedhom, speċjalment minħabba l-Covid-19. Pero’, ironikament, missier Graziella, attur ewlieni f’dan il-film, miet waħdu fl-isptar bl-eżatt xahar wara li ħareġ dan il-film. “Huwa daħal l-isptar sabiex jagħmel intervent żgħir u miet waqt l-operazzjoni”, qaltina Graziella.

‘Ferrante Films’ hija kumpanija magħrufa għal xogħol kreattiv li joffri twist fl-aħħar tal-istorja u li jqajjem kuxjenza dwar suġġetti varji. Sean James Sutton ħareġ bl-iscript ta’ dan il-proġett, liem script imbagħad ġie addattat skond id-direttivi tas-saħħa. Robert V. Ferrante, li huwa parti mill-familja wara ‘Ferrante films’ interpreta l-parti tal-missier, filwaqt li l-atturi Antony Edridge u Marysia S. Peres ġew magħzula permezz ta’ casting onlajn provdut minn enCAST.eu.

“Il-mewt ta’ Robert kienet sajjetta fil-bnazzi, hekk kif konna għadna kif irbaħna l-ewwel premju tagħna internazzjonalment, filwaqt li ftit wara tlifna attur bravissimu, kif ukoll nannu u missier għall-crew ta’ Ferrante Films. L-organizzaturi bagħtulna ċ-ċertifikat diġitali sabiex stajna nippreżentawh lil missieri waqt il-funeral”, qaltilna Graziella Ferrante.

Dan il-film qed jintlaqa’ tajjeb ħafna fuq livell internazzjonali u kiseb aktar minn award wieħed fl-aħħar xahar.

“Meta lestejna l-film u tfajna l-applikazzjoni għal xi film festivals mill-ewwel ġejna avviċinati minn Andromeda Film Festival ġewwa t-Turkija, li saħansitra stednuna biex nieħdu sehem fil-festival tagħhom. Aħna aċċettajna. Apparti minn hekk ġejna mistiedna biex nipparteċipaw fil-Hollywood International Golden Age Festival, li din is-sena sar ġewwa New York. F’dan il-festival ġejna nnominati għal 4 categoriji, ‘Best Short Film, Best Covid-19 Film, Best Cinematography u Best Script’, u rbaħna b’dan tal-aħħar”, tenniet Graziella Ferrante.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com